Dan ix-xahar il-Papa jridna nitolbu għal dawk li tbiegħdu mill-Knisja

Min jaf kemm il-darba kuljum nitolbu “Skont l-Intenzjonijiet tal-Papa”. Fil-fatt Papa Franġisku ddeċieda li darba fix-xahar jibgħat lill-Appostolat tat-Talb, intenzjoni waħda biex id-dinja kollha titlob għaliha.
Għal dan ix-xahar ta’ Lulju il-Papa jixtieqna nitolbu “biex ħutna li tbiegħdu mill-fidi, bit-talb tagħna u bix-xhieda li nagħtu tal-Evanġelju, jerġgħu jiskopru l-ħbiberija ma’ Alla u s-sbuħija tal-ħajja nisranija”.
“Kemm inħossni dgħajjef. Kollu għal xejn. Kif se nagħmel biex inressaq lil uliedi lura lejn il-Knisja”? Kliem li jgħodd kważi għal kull familja. Dan il-kliem il-Papa Franġisku semgħu u dan ix-xahar iridna nitolbu għal dawn in-nies.
L-ewwel jitlobna nitolbu għal ħutna. Dawk li ħallew il-fidi xorta għadhom ulied il-Missier li ħalaqhom. Bil-magħmudija huma mebri tal-Ġisem ta’ Kristu. Meta nitolbu aħna nkunu qed naqsmu t-tħassib tagħna ma’ Alla u b’hekk nersqu aktar qribu.
Imbagħad nieħdu azzjoni. Mhux bil-herra imma b’imħabba ġentili. Nagħmlu l-imħabba t’Alla tanġibbli għall-oħrajn. L-unika priedka li lesti jisimgħu hu dik tal-azzjonijiet ta’ mħabba tagħna lejhom. Permezz tagħna jistgħu jiskopru mill-ġdid il-ħniena t’Alla. It-talb kontinwu tagħna ikun ta’ grazzja għalihom.
“Ejja lkoll niftakru,” qal il-Papa, “Wieħed ma jistax jipproklama l-Evanġelju bla ma jagħti xiehda tiegħu b’ħajtu. Dawk li jisimgħuna u jarawna iridu jara fl-azzjonijiet tagħna dak li bil-kliem u jagħtu glorja l’ Alla. Qed niftakar f’xi parir li San Franġisk t’Assisi kien jagħti lil sħabu: Ippriedkaw l-Evanġelju u jekk hemm bżonn tkellmu. Ippriedkaw b’ħajjitkom. Bix-xhieda li tagħtu. Jekk ikun hemm inkonsistenza bejn dak li tgħidu u dak li tagħmlu tkunu qed  tkissru l-kredibilta’ tal-Knisja”.