Dan it-tifel illum jagħlaq 47 sena. Għaraftu?

Awguri lill-preżentatur Joseph Chetcuti li llum, flimkien ma’ oħtu t-tewmija Ann-Marie, qed jiċċelebra għeluq is-47 sena tiegħu. Joseph twieled bħal-lum it-28 ta’ Lulju tal-1973.

Qabel is-suċċess ta’ programmi bħal Nies Ta’ Veru u Araniiisa, hu kien ukoll magħruf bħala “Joseph tal-Vjolin”. Konna narawh idoqq dan l-instrument fil-programm Xarabank, kif ukoll mal-grupp Baklava li kienu daħlu għall-Malta Euro Song bil-kanzunetta Kamikaze Lover fl-2009, u sentejn wara bil-kanzunetta Moon Dance.

Fil-Eurovision hu kien akkumpAnja lil Olivia Lewis fuq il-palk f’Ħelsinki meta fl-2007 kkompetiet bil-kanzunetta Vertigo.

joseph kien ukoll l-ewwel Malti li kien jifforma parti mill-Mediterranean Youth Orchestra u kemm bħala parti mill-orkestra, kif ukoll bħala solist, ħa sehem f’avvenimenti barra minn xtutna inkluż f’Monaco u fil-Marokk, fil-preżenza tal-Prinċep Rainer u r-Re Hassan, rispettivament.

Fost id-diversi programmi oħra li hu ppreżenta insibu Tiramisù, Fortissimo, Personaġġi, kif ukoll hu involut fl-għażla tal-parteċipanti Maltin fil-Eurovision Young Musicians.

Ritratt: The FotoGrafer, Fgura / Facebook: Joseph Chetcuti

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.