Dan is-sajf ix-Xlendi mhux se jitħalla jorqod

Ġiet imnedija inizjattiva “I Love Xlendi,” li tikkonsisti f'għadd ta’ attivitajiet fil-bajja pittoreska tax-Xlendi kull tmiem il-ġimgħa tul is-sajf fejn se jispikka t-talent lokali.
Din hija inizjattiva imtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Munxar bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kumitat tal-Kultura ‘I love Xlendi.’
Permezz tal-inizjattiva, dawk li se jinżlu x-Xlendi jgawdu l-ġmiel naturali tiegħu, se jkun jistgħu jistrieħu waqt li jgawdi minn spettaklu varjat.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Justyne Caruana ħabbret li fix-Xlendi u f’Marsalforn, apparti servizzi diversi relatati mat-tindif li jsiru kuljum, se jsir ukoll ġbir ieħor ta’ skart fil-borża s-sewda kuljum filgħaxija. Dan għax fi kliemha  żoni turistiċi li huma ffrekwentati iżjed matul is-sajf, għandhom sfidi akbar biex jinżammu nodfa u għandha tingħatalhom aktar attenzjoni.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Amministrattiv tax-Xlendi, Mark Busuttil,  spjega kif dan il-programm 'I love Xlendi' huwa mimli daqs bajda b’min tal-inqas attività waħda kull ġimgħa bejn l-1 ta’ Lulju u s-16 ta’ Settembru.