Dan il-misħut mikrobu

coronavirus

Jiena ngħix fil-qalba tal-belt Victoria u s-soltu biex nofroq Pjazza San Gorġ irrid nagħmel wegħda għax din issa saret qisha s-Salott tar-Rabat b’tant nies u barranin imdawrin ma’ xi mejda jgħidu kelma waqt li jieħdu xi capuċċino inkella jitrejqu b’xi snack u drink.  L-istess xena kont tilmaħ fi Pjazza Indipendenza! 

Issa dawn iż-żewġt imsieraħ saru qishom tal-waħx; lanqas qattusa ma tara taqsam il-wesgħa. U dan kollu ġabulna l-mikrobu li ħareġ miċ-Ċina u dar id-dinja kollha.  Aħna ma aħniex xi eċċezzjoni u lilna din ix-xorti ħażina messitna wkoll. 

Biex niġġeldulu irridu nobdu l-istruzzjonijiet li ħarġilna l-Istat kif ukoll  l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi  li t-tnejn li huma ċertament jixtequlna kull ġid. Nemmen li l-maġġoranza tal-poplu tagħna qed tobdi dawn l-istruzzjonijiet imma fadal xi ftit li donnhom jiġu jaqgħu  u jqumu minn dawn l-ordnijiet. 

Veru li l-għeluq ġewwa ta’ bilfors jinħass iebes u skomdu imma importanti li nagħmlu dan is-sagrifiċċju jekk irridu li l-knejjes tagħna jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, l-istess jagħmlu l-iskejjel,  l-uffiċini jerġgħu jibdew jiffunzjonaw b’mod normali, il-lukandi, il-bars, ir-restoranti, il-logħob tal-ballun u mitt ħaġa oħra jerġgħu jidħlu fis-seħħ u l-ħajja terġa’ lura għan-normal.   

Fuq kollox mal-qerda ta’ dan il-virus, li lanqas biss  irrid insejjaħlu b’ismu, l-ekonomija tagħna terġa’ tieħu r-ruħ. Prosit tassew  lis-servizzi mediċi kollha tagħna li tant qed jaħdmu b’risq is-saħħa tal-poplu tagħna. 

Fuq kollox, għeżież qarrejja, ejjew nitolbu lil Sid il-ħolqien li Hu biss għandu d-dritt li jieħu lura l-ħajja biex jeħlisna kemm jista’ jkun malajr minn dan il-mikrobu kiefer li niżżel lid-dinja għarkubbtejha, forsi min jaf, għax tagħtu l-ġenb. 

Ejjew ma nersqux lejh biss meta niġu bżonnu imma nżommuh f’qalbna u f’darna it-365 jum tas-sena. Forsi mhux dnub jew ġejjin fuqna tant festi sbieħ u għeżież u se jkollna noqogħdu magħluqin id-dar. 

Veru li l-mezzi tal-kommunikazzjoni soċjali qed joffrulna ċ-ċans li nsegwu mid-dar, imma x’differenza meta tmur il-knisja, taraha mżejna u b’tant statwi fil-korsija, tisma’ quddiesa, issegwi xi kors ta’ Eżerċizzi, tieħu sehem fil-Purċissjoni tal-Gimgħa l-Kbira, toħroġ tagħmel il-Visti lis-Seba’ Knejjes f’Ħamis ix-Xirka, tgawdi xi pageant (fil-Victoria kien se jkollna l-20 edizzjoni tal-Imsallab fi Treqatna) il-purċissjoni tant devota u għażiża tad-Duluri, u tant okkażjonijiet oħra.  

Ngħid għalija kont inħobb immur laqgħa tal-AK kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija u oħra tal-Koperaturi tal-Museum kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija kellna nwaqqfuhom it-tnejn biex ma nimirdux minn xulxin! 

X’ma jifraħx ix-xitan u jaħseb li ħareġ rebbieħ!  Mill-ġdid din is-sena,  il-Ministeru għal Għawdex ħadem tant biex jagħtina f’idejna pubblikazzjoni tassew sabiħa b’dak kollu li kien ippreparat matul dan iż-żmien;  nibża’ ngħid tant sforz u spejjes se jmorru fix-xejn.

Naturalment inutli noqgħod neqred u nokrob għax is-sitwazzjoni hi dik li hi; ejjew nagħmlu ħilitna u nikkoperaw mal-awtoritajiet u ma nwarrbux lil min ħalaqna fil-ġenb. Nersqu wkoll lejn l-Omm tagħna Marija u naqbdu f’idejna l-kuruna tar-rużarju u nitolbuha bħala familja biex tbiegħed minna din il-pesta li pajjiżna qatt na ra bħalha u li tant qed iġġegħilna nbatu.  Meta jrid l-Imgħallem jagħlaq bieb u jiftaħ mija!

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn