Filmat: “Dan il-Milied irridu nirriflettu mnejn ġejjin u fejn sejrin” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li l-ħemda tal-lejl tal-Milied, kif iddeskrivita fis-silta mużikali O Lejl ta’ Skiet, tfakkarna fil-bżonn tagħna li kultant nieqfu u nirriflettu dwar minn fejn ġejjin u fejn sejrin.

Fill-messaġġ tal-awgurju tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi fi żmien il-Milied, l-Arċisqof irrefera għall-bambin Ġesù li jfakkar lill bnedmin fil-paċi li ġej mir-rikonċiljazzjoni, mill-maħfra li jagħti l-Mulej u mill-għaqda u l-għożża li jixtieq li jkun hemm bejn wieħed u ieħor.

Mons. Scicluna sostna li hija xi ħaġa ferm sabiħa li fil-kultura tal-Maltin u l-Għawdxin għad hemm għożża kbira għall-valur tal-ħajja li jidher f’kull tarbija li titwieled. Sostna li l-awgurju tiegħu hu li l-poplu jibqa’ jgħożż id-don sabiħ tal-ħajja li titwieled, li tibda mit-tnissil u li tikber fil-ġuf tal-omm. It-tarbija f’Bethlehem tfakkar wkoll kif il-ħajja għandha valur li huwa bla prezz.

Intant irrimarka li l-Mulej se jibqa’ jħenn għall-bniedem anke meta jitbiegħed minnu, il-Mulej jibqa’ jfittex. Semma kif Alla sar bniedem biex il-bnedmin jibqgħu jgħixu f’dinjità, li jkun hemm maħfra għal xulxin u li l-bnedmin jgħixu flimkien fil-paċi.

L-appell tal-Arċisqof għall-komunità Nisranija huwa sabiex il-ferħ tal-Milied ma jieqafx wara li jgħaddi l-Milied, iżda l-ferħ jibqa’ jinħass għal 12-il jum ieħor. Dan hekk kif fis-6 ta’ Jannar hemm il-festa tal-Epifanija, li hija l-laqgħa ta’ Ġesù mal-Maġi.

Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, l-Arċisqof sellem lill-emigranti kollha Maltin, lir-residenti kollha fl-istituzzjonijiet, fid-djar u anke lill-familji kollha Maltin u Għawdxin. Hu kompla billi talab il-barka tal-Mulej u awgura Milied ħieni mimli barka u għożża.