Dan il-kantant illum jagħlaq 73 sena u qed jistenna messaġġ mingħandek

Dan tar-ritratt huwa Enzo Gusman li proprju llum qed jiċċelebra għeluq it-73 sena tiegħu. Twieled bħal-lum id-9 ta’ Lulju tal-1947. Bħalissa l-kantant jinsab rikoverat fl-isptar fil-Kanada wara li nżamm fit-taqsima tal-kura intensiva wara li sofra minn waqgħa.

Fl-aħħar ġranet ma waqfux il-messaġġi ta’ kuraġġ mingħand ħafna Maltin u Għawdxin u proprju llum, f’okkażjoni ta’ għeluq sninu, qed nistiednu lil dawk kollha biex iħallulu messaġġ ta’ awgurju fis-sezzjoni tal-kummenti taħt dan la-rtiklu. Martu Carmen assiguratna li se tkun qed taqralu l-messaġġi kollha li jidħlu.

Enzo twieled f’Tas-Sliema u attenda l-iskola primarja ta’ Triq Blanche Huber. Studja fil-Liċeo tal-Ħamrun u fl-Università ta’ Malta.

L-ewwel dehra fil-pubbliku ta’ Enzo kien fit-18 ta’ April 1960 waqt il-konkors Il Musichiere li kien ippreżenta Armando Urso. Wara beda jieħu sehem f’aktar festivals f’Malta kif ukoll f’pajjiżi bħall-Greċja, l-Irlanda, it-Turkija, il-Ġermanja, il-Ġappun, il-Bulgarija, iċ-Ċili u l-Eġittu.

Rebaħ il-Malta Song erba’ darbiet, fl-1966, fl-1974, fl-1976 u fl-1995. Dan minbarra numru ta’ festivals oħra.

Enzo ppreżenta bosta programmi televiżivi u anki fuq ir-radju, bl-aktar riċenti Bejn il-Ħbieb. Ħa sehem ukoll f’għadd ta’ musicals bħal Dream, Ulied in-Nanna Venut, Taħt Tliet Saltniet u L-Għarusa tal-Mosta.

B’karriera twila fil-mużika, Enzo kellu numru kbir ta’ suċċessi b’kanzunetti li baqgħu popolari sal-lum. Dawn jinkludu Żepp u Grezz, Fil-Pjazza tar-Raħal u Fis-Sewwa Jew fid-Dnewwa.

Enzo hu miżżewweġ lil Carmen u għandhom żewġt ulied, Johanna u Greta. Huwa wkoll nannu.

F’dan il-jum partikolari f’għeluq sninu, nawgurawlu l-isbaħ xewqat, minkejja li fis-sitwazzjoni preżenti jinsab rikoverat fl-isptar u nkompli nitolbu għalih biex ma jdumx ma jingħaqad mal-familja tiegħu.

Awguri Enz!

Ħalli l-messaġġ tiegħek hawn taħt fis-sezzjoni tal-kummenti.