“Dan il-Gvern għad jitlef elezzjoni minħabba l-korruzzjoni tiegħu”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Gvern preżenti għad jitlef elezzjoni ġenerali minħabba l-mod maħmuġ ta’ kif qed jagħmel il-politika, minħabba l-iskandli u minħabba l-korruzzjoni tiegħu.
Fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN, Dr Busuttil semma kif gazzetta lokali kixfet li l-Konsolat Malti fl-Alġerija li ħareġ 7,000 visa lill-Alġerini f’temp ta’ sena u nofs huwa l-kuġin tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Saħaq kif fl-Alġerija saret famuża li jekk trid tidħol fl-Unjoni Ewropea, għandek tapplika għal visa ma’ Malta, għax sar faċli ħafna biex tieħu visa. Qal li dan iqajjem suspett kbir ta’ korruzzjoni u li l-Maltin qed jitilfu l-fiduċja tagħhom fil-politika minħabba dil-korruzzjoni kollha li qed jaraw.
Dr Busuttil tkellem ukoll dwar Identity Malta, li sejħilha ħlejqa ta’ Joseph  Muscat, aġenzija minnha nfisha korrotta minħabba n-nepotiżmu ta’ Joseph Muscat. Sostna li qed titmexxa minn kandidat tal-Partit Laburista u li hi mimlija persuni tal-qalba.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-fatt li fil-proġett tal-Coast Road, il-Gvern tilef €11 miljun grazzi għall-inkompetenza tal-Gvern. L-UE waqqfet dawn il-fondi għaliex instabu diversi irregolaritajiet fil-mod kif tmexxew il-fondi Ewropej u kif ġew mogħtija il-kuntratti f’dan il-proġett. B’hekk, il-poplu se jkollu joħroġ €11 miljun biex titlesta din it-triq, għaliex il-Gvern tilef somma sostanzjali, u ta’ dan għandha tintrefa’ r-responsabbilità.
Semma wkoll id-Dipartiment tal-Artijiet, li jaqa’ taħt il-ministeru ta’ Joseph Muscat. Spjega li l-agħar skandli li seħħew f’Malta kellhom x’jaqsmu ma’ dan id-Dipartiment, fosthom il-kwistjonijiet tal-Australia Hall, tal-Cafè Premier, tal-każin tal-Partit Laburista tas-Siġġiewi u tal-bini tal-General Workers’ Union.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dak li qed jiġri hu ta’ gravità kbira. Qal li kull meta joħroġ fil-pubbliku skandlu ieħor, Joseph Muscat jew jibqa’ silenzjuż jew juża t-tattika ta’ “ara x’għamiltu intom”. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux lest jagħlaq ħalqu u ħa jibqa’ jaħdem biex l-iskandli ta’ dan il-Gvern ikomplu jinkixfu.
Temm jgħid li xogħol il-Partit Nazzjonalista hu li jikxef l-iskandli u juri li l-politika tista’ ssir b’mod differenti.