Damon Bonello u Bernard Sammut rebbieħa fit-Trials

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi tissokta bil-Kampjonati Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2015/2016 bi programm ta' attivitajiet li jibda f'nofsinhar.
Intant fil-klassifika Autocross Modified, Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo jinsab fil-quċċata b’161 punt segwit minn Malcom Borg fuq Opel Corsa b’112 punt.
Fl-Autocross Standard, Deane Farrugia fuq Citroen AX ikompli jiddomina l-klassifika b’45 punt segwit minn Traydon Bailey fuq Ford Ka b’36 punt.
Fil-Motocross Klassi A, Clayton Camilleri fuq mutur KTM ikompli jiddefendi l-ewwel post b’208 punti segwit minn ħuh Kyle Camilleri fuq KTM b’172 punt.
Fi Klassi B, ir-riders Għawdxin għadhom qed jiddefendu l-ewwel żewġ pożizzjonijiet fil-klassifika b’Mario Cauchi fuq mutur Honda b’207 punti segwit minn Etienne Bigeni wkoll fuq Honda b’197 punt.
Intant nhar il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni organizzat attività tal-Muturi Trials fil-Barriera ta’ Tarġiet Għomor fil-limiti tan-Naxxar.
Fi Klassi A, Damon Bonello fuq mutur Gas Gas iddomina l-ġurnata fejn irnexxielu jitlef biss 3 punti ta' penalità fl-aħħar żewġ sezzjonijiet minn sitta biex għalaq il-ġurnata fl-ewwel post segwit minn Rowen Bonello fuq Beta li spiċċa bi 13 il-punt ta' penalità.
Fi Klassi B, Bernard Sammut rebaħ il-ġurnata b’9 punti ta' penalità segwit minn Manuel Camilleri bi 11 il-punt ta' penalità.

Ritratt: Mario Micallef