Filmat: “Traġedja” – espert dwar il-Covid-19 f’Malta

Il-fatt li l-ECDC poġġiet lil Malta fil-quċċata nett tal-lista tal-pajjiżi bl-aktar imwiet għal kull 100,000 ruħ, kienet deskritta mill-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo bħala ‘traġedja’.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, Dr Melillo qalet li minkejja li n-numri jistgħu jidhru żgħar, għax Malta għandha popolazzjoni żgħira, meta tqabbel ma’ pajjiżi oħra qegħdin fl-istess ilma li kienu pajjiżi bħal Spanja u l-Italja fl-eqqel tal-pandemija. “In-numri naħsbu li huma żgħar imma li konna naraw fi Spanja, l-Italja, Londra, fejn kellhom eluf ta’ nies qed imutu, in-numri żgħar tagħna huma l-ekwivalenti għal dawk l-eluf li qed imutu,” qalet Melillo. 

“Aħna qisna qtajna qalbna kif rajna dik l-istatistika,” qalet Melillo, bejn irrabjata u bejn issummata. Qalet li l-frontliners ħassew li x-xogħol kollu li kien sar biex jiġu evitati mwiet u biex in-nies ma jmorrux l-isptar kien sewa suf. “Meta tara li Malta titqiegħed bħala l-pajjiż bl-aktar imwiet fl-Ewropa, hija daqqa ta’ ħarta li ma tantx tqum minnha malajr,” qalet Melillo. Hija qalet li l-aktar li qed ibatu huma dawk li għandhom mard kroniku u huma dawn in-nies vulnerabbli li l-aktar li qed imutu.

Melillo wissiet li s-sitwazzjoni bħalissa mhix bħalma kienet f’Marzu li għadda meta kulħadd kien ġewwa. Qalet li l-listi ta’ kuntatti ta’ dawk li taqbadhom l-imxija qed ikunu twal ħafna li jindikaw ħajja ta’ xogħol u soċjali attiva. Jikxfu wkoll li qed ikun hemm ammont sostanzjali ta’ persuni, li Melillo kkalkulat li jista’ jkun id-doppju, li mhux qed jirrappurtaw li jkunu qed ibatu mill-Covid-19. Qalet li bosta drabi meta d-dipartiment ikun qed iħejji l-contact tracing, ikun hemm spiss min jgħid li xi wħud fil-lista kellhom il-Covid-19 u ma rrappurtawhiex. “M’aħniex qed inżommu l-miżuri u m’aħniex qed nibqgħu lura,” wissiet Melillo. MInħabba f’hekk il-virus qed jinfirex.

Imma l-Covid vera gravi, staqsa Newsbook.com.mt, jew aktar hemm biża’ milli verità f’dan il-każ? “Staqsi lill-qraba ta’ min tilef lil ommu, missieru jew xi ħadd mill-familjari…barra minn hekk jidher li wara li taqbdek il-Covid, qed joħorġu kumplikazzjoniiet, serji u mhumiex imma jidher li huma kroniċi…l-affarijiet ma humiex ħelwin,” qalet Melillo. Hija ħeġġet biex kulħadd jobdi l-miżuri biex is-sitwazzjoni ma tmurx għall-agħar. Qalet li jeħtieġ l-aħħar sforz biex inwasslu sakemm toħroġ it-tilqima tal-Covid, biex, flimkien ma’ dik tal-influwenza tkun tista’ tagħti protezzjoni għal żmien raġonevoli.