Dalwaqt tkun taf jekk għaddejtx għas-6th form u l-Università

Ir-riżultati tas-sessjonijiet ta’ Settembru għall-eżamijiet tal-O’levels, A’levels u dawk f’livell intermedju għandhom joħorġu sa nhar il-Ġimgħa li ġej.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt il-kelliem għall-Università ta’ Malta, Pierre Cassar, li qal li r-riżultati għandhom iżommu ma’ dak li hemm indikat fuq is-sit tal-Università stess, li se joħorġu sal-Ġimgħa, 28 ta’ Settembru.

Waħda mir-raġunijiet għal dan id-dewmien hi li r-riżultati joħorġu kollha f’salt. Huwa żied jgħid li l-pubbliku jeħtieġ li jifhem li l-eżaminaturi jkollhom biss ġimagħtejn biex jikkoreġu dawn il-karti, peress li l-eżamijiet jispiċċaw fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.