Dalwaqt tiffranka vjaġġ saċ-Ċentru għall-Iskart Goff

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Read in English.

Kampanja ġdida mnedija mill-WasteServ Malta Ltd se tagħmliha aktar faċli biex persuni jarmu skart goff u perikoluż bħal żejt tal-ikel, bozoz u tubi tad-dawl. Din is-sistema ġdida se tkun qed tiffranka li wieħed ikollu jmur iċ-Ċentru għall-Iskart Goff biex jarmi dan l-iskart.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-WasteServ se tkun qed tagħmel użu minn flotta ġdida ta’ trakkijiet tal-ġbir li se jservu biex jippromwovu prattiċi sostenibbli relatati mal-iskart, b’mod speċifiku fuq is-separazzjoni tal-iskart biex isir b’mod aktar effettiv. It-trakkijiet se jkollhom kompartamenti separate għal tip ta’ skart differenti. Dan se jnaqqas il-kontaminazzjoni tal-iskart riċiklabbli.

Ġie spjegat li t-trakkijiet se jkunu qed iżuru l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex kull xahar. Se jkun hemm ukoll rappreżentant tal-WasteServ li jeduka lill-pubbliku dwar l-immaniġġjar tal-iskart filwaqt li jindirizza kwalunkwe mistoqsijiet li jista’ jkollhom. Id-dettalji tal-iskeda se jkunu ppubblikati fuq il-mezzi soċjali tal-WasteServ.

Permezz ta’ din il-kampanja, il-WasteServ se tiffoka fuq skart perikoluż bħaż-żejt tat-tisjir, bozoz u tubi tad-dawl. Intqal li filwaqt li dan l-iskart għandu tendenza jkun baxx fil-volum, jekk ma jintremiex b’mod korrett jista’ joħloq ħsara ambjentali sostanzjali kif ukoll periklu għas-saħħa pubblika. Dawn il-vetturi se jaċċettaw ukoll tipi ta’ skart bħal polistirene, tessuti, plastic, metal, ħġieġ, karta u kartun.