Dalwaqt: Taħriġ għal persuni li għaddew minn puplesija

Read in English.

Lejn l-aħħar tas-sajf għandhom jiżdiedu numru ta’ servizzi fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-Isptar San Luqa fosthom taħriġ għal persuni li għaddew minn puplesija.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa li spjega li l-qbil intlaħaq wara laqgħa bejn il-Ministeru, Steward Healthcare u l-MUMN li saret b’intervent tal-Ministru Chris Fearne. Waqt il-laqgħa ġie diskuss pjan ta’ xogħol għal dan id-dipartiment u anke s-servizzi ġodda li se jkunu jistgħu jiġu offruti. Ġie spjegat li x-xogħlijiet se jibdew matul is-sajf filwaqt li l-proġett mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ Ottubru.

Il-Ministru Fearne irringrazzja lit-team ta’ Steward Health Care immexxi minn Dr Nadine Delicata talli fi żmien qasir se jitfassal dan il-proġett b’koperazzjoni sħiħa mal-impjegati u mal-imsieħba soċjali.

Fost is-servizzi li se jiżdiedu se jkun hemm eżerċizzji għal persuni li jgħixu bil-parkinsons u b’multiple sclerosis kif ukoll sezzjonijiet ta’ taħriġ għal persuni li sofrew puplesija u riabilitazzjoni wara operazzjonijiet ortopediċi. Se jiġi introdott ukoll servizz immexxi minn fiżjoterapisti għal persuni dijabetiċi u gym għall-assessment u għat-trattament ta’ pazjenti bi problemi newroloġiċi fost servizzi oħrajn.