Dalwaqt speed cameras f’Għawdex

Arkivji

Read in English.

Il-Pulizija mistennija tibda tuża speed cameras dalwaqt.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal fil-Parlament li qed isiru l-arranġamenti biex il-Pulizija kollha f’Għawdex ikollha l-apparat teknoloġiku biex tuża l-ispeed cameras.

Id-deputat Għawdxi Kevin Cutajar staqsa lill-Gvern dwar x’miżuri qed jieħu biex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv. Dan fid-dawl tal-inċidenti li seħħew fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.

Mara mil-Latvja kienet tilfet ħajjitha f’inċident traġiku f’Awwissu li għadda. Il-mara mietet sitt ijiem wara l-inċident. Dwar il-każ kien ġie akkużat raġel li kien qed isuq xurban.

Is-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi appella lill-awtoritajiet biex jieħdu iżjed miżuri kontra s-sewqan veloċi fit-toroq.

AQRA: “Iridu jittieħdu miżuri qabel ikun tard wisq” – Is-Sindku ta’ Għajnsielem

Intant, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kienet qalet li hemm pjan li diġà qed jiġi attwat flimkien ma’ Transport Malta.

Fil-Parlament, il-Ministru Farrugia qal li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Għawdex regolarment tagħmel spot checks f’dawn l-inħawi. Qal ukoll li f’okkażjonijiet, il-Pulizija Għawdxin ikunu assistiti mill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku ta’ Malta.