Dalwaqt sospiż l-istrajk tal-pompi tal-petrol

L-istazzjonijiet tal-Pompi tal-Petrol se jissospendu l-azzjonijiet tagħhom illejla b’sinjal ta’ rieda tajba hekk kif ġiet sekdata laqgħa mal-Gvern għal għada.

Fi stqarrija mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) ġie spjegat li din is-sospensjoni tal-azzjonijiet se ssir b’mod temporanju sakemm il-GRTU tiltaqa’ mal-Ministru Joe Mizzi.

Intant il-GRTU rrimarkat li l-Pompi tal-Petrol jixtiequ jkunu tal-inqas inkonvenjent għall-konsumatur u fl-istess ħin juru rieda tajba fid-diskussjonijiet. L-Azzjonijiet qed jiġu sospiżi għalissa u mhux eskluż li jekk id-diskussjonijiet ma jaslux għal ftehim, il-pompi tal-petrol jiddeċiedu li l-azzjonijiet ikomplu.

Fl-aħħar jiem, il-pompi kienu qed jaħdmu matul il-ġurnata però wieħed ma kienx qed ikun jista’ jixtri l-fuel bil-pompi awtomatiċi wara s-6 pm. Madwar 70 pompa tal-petrol madwar Malta li l-maġġoranza tagħhom huma membri tal-GRTU kienu qed jipparteċipaw.