Illum xehed fl-inkjesta pubblika Silvio Debono, iċ-chairman tal-grupp db fejn tkellem dwar il-proġett tal-ITS u l-libelli li kien fetaħ kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Debono qal li t-tender dwar il-proġett tal-ITS inħareġ minn Projects Malta. Qal li kien hemm xi ħames kumpaniji li ħallsu €10,000 biex jiġbru t-tender, madanakollu, il-Grupp db kienet l-unika kumpanija li għamlet sottomissjoni ta’ proposta. Spjega li l-Prim Ministru dak iż-żmien kien spjegalu kif il-proġett ġie ppolitiċizzat u kellha ssir bħal sejħa oħra. Insista li hu ħallas l-ogħla somma għal art tal-Gvern fl-istorja tal-pajjiż.
Intant, dwar il-libelli li fetaħ lill-ġurnalista, Debono qal li jifhem is-saram li minnu għaddejja l-familja Caruana Galizia u li lest li jpoġġi u jitkellem mal-familja biex tinstab soluzzjoni dwar il-libelli.
14:38 Grazzi talli segwejtuna.
14:38 Is-smigħ tal-lum jintemm hawn.
14:31 Is-smigħ li jmiss se jsir nhar l-Erbgħa. Se jkun qed jixhed Saviour Attard fid-9.30am.
14:31 Ix-xhieda ta' Farrugia tintemm hawn.
14:27 Farrugia qal li min-naħa tiegħu bħala Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ma ngħata l-ebda kuntratt. Qal li ġieli ltaqa' ma' Nick Wright u ġieli tkellmu miegħu dwar komunikazzjoni politika. Qal li wara l-2013 hu ma kkomunikax miegħu. Qal li dan ma kellu xejn x'jaqsam mal-ġurnalista.
14:26 L-avukat qalet li r-relevanza qalet li din tista' tgħin fejn tidħol il-protezzjoni li setgħet ingħatat il-ġurnalista.
Il-bord talab lill-avukata biex tindirizza l-mistoqsija tagħha fir-rigward tal-ġurnalista biss u mhux inġenerali.
14:24 L-avukat Comodini Cachia talbet lil Farrugia jikkonferma meta kien Kap tal-Komunikazzjoni, il-Gvern kienx ta' kuntratt lil Nick Wright għal servizzi ta' komunikazzjoni u jekk din intalbitx fil-konfront tal-kampanja tal-2013 u l-2017.
L-avukat rappreżentant ta' Farrugia staqsa jekk dan għandux x'jaqsam mat-terms of reference.
Il-bord qal li l-mistoqsijiet li hemm bżonn isiru, għandhom isiru u li t-terms of reference jinterpretahom il-bord.
14:23 Qal li hu ntalab jippreżenta xi e-mail li rċieva mingħand Caruana Galizia, madanakollu hu ma setax jitraċċa din l-email fl-ebda indirizz tiegħu.
14:22 Farrugia qal li kien intalab jippreżenta dokumenti pubbliċi li kellhom x'jaqsmu mal-premju ta' €1 miljun b'rabta mal-qtil. Qal li ġab miegħu l-istqarrija u wkoll referenzi fil-midja. Farrugia qal li hemm referenzi oħrajn li saru bejn sitt xhur u sena wara. Qal li kien hemm ukoll xi referenzi fil-parlament, iżda ma kellux aċċess għalihom.
14:21 Kurt Farrugia jitla' biex jgħati x-xhieda tiegħu.
14:21 Il-bord ta' inkjesta jidħol mill-ġdid fl-awla.
14:13 Hu se jkun qed jixhed fil-ħin li ġej. Għalissa, il-bord tal-inkjesta ħareġ mill-awla għal pawża ta' ftit minuti.
14:12 Fil-ħin li ġej se jkun qed jippreżenta xi dokument il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
14:12 Ix-xhieda ta' Apap Bologna tintemm hawn.
14:10 L-avukat Comodini Cachia staqsiet dwar l-email fejn Fenech irreżenja u appunta lil Mark Gasan. Comodini Cachia talbitu jistax jissottometti dan l-email ukoll. Hu qal li se jkun qed jagħmel dan billi jibgħat l-informazzjoni lis-segretarja tal-Qorti.
14:08 Jidħol fl-awla Paul Apap Bologna li ġab miegħu diversi dokumenti x'jissottometti fil-Qorti. Qal li hu ġab miegħu kuntratti, tranżazzjonijiet, u timeline tal-insurance policies.
14:07 Intlabna nidħlu lura fl-awla.
13:59 Meta nerġgħu lura fl-awla, se jkun hemm iktar xhieda minn Paul Apap Bologna u Kurt Farrugia.
13:59 Il-ġurnalisti ntalbu joħorġu mill-awla sakemm isiru l-mistoqsijiet li hemm bżon isiru fil-magħluq.
13:54 Il-kawża se tkompli tinstema fil-magħluq.
13:53 Qal li tant ma kellu xejn kontra Daphne Caruana Galizia li fl-2002 kienet taħdem konsulenta miegħu għal xi xhur.
13:51 Spjega li hu kien jagħti eluf. Qal li jekk jiftakar sew, lill-PL kien jgħaddilu bejn €5,000 u €7,000 u lill-PN kien jgħaddilu mas-€6,000. Qal li dan milli jiftakar u mhux il-figura eżatt. Dan kien isir kull sena.
13:50 Il-bord staqsa ta' kemm kienet il-kontribuzzjoni. Debono qal li jekk irid il-bord iġib il-kopji. Qal li ma kinux somom sostanzjali. Il-Prim Imħallef Emeritu Said Puliccino rrimarka li dan mhux biex jiġġudika lilu, għax bħalma għamel hu għamlu negozji oħrajn.
13:50 Debono qal li kien jagħmel kontribuzzjonijiet liż-żewġ partiti skont kemm tagħti l-liġi.
13:49 Irrepeta għal aktar minn darba li qabel it-tender ma ħadem fuq l-ebda proġett.
13:47 Debono qal li hu sar jaf li se jinħareġ it-tender meta ġiet ippubblikata t-tender. Qal imma kien ilha żmien tissemma li l-ITS se jimxi minn hemm. Irrimarka li dan ma jfissirx li hu beda jaħdem fuq il-kunċett meta bdiet iddur din l-aħbar tal-mixja tal-ITS.
13:46 Debono qal li qabel kellhom kunċett meta kien ġie l-President ta' Hard Rock, u kienu għamlulu kunċett fuq art differenti. Qal li l-pjan li użaw għas-sit li mbagħad ħareġ it-tender għalih kien totalment differenti.
13:45 L-avukat staqsiet dwar il-bidu tal-proġett. Qal li l-Grupp db beda jaħdem fuq il-proġett meta ħareġ it-tender.
13:44 Spjega li jekk jiftakar sew, hi kelmitu f'Marzu tal-2016. Il-libelli kienu ppreżentati wara li saret din it-telefonata.
13:42 Il-bord staqsa jekk tkellimx mal-ġurnalista. Debono qal li hi ċemplitlu qabel ma kitbet wieħed mill-bloggs u qaltlu ħafna affarijiet. Qal li staqsietu ċertu mistoqsijiet li skontu kienu personali. Qal li Caruana Galizia qaltlu kellha ħafna affarijiet dwaru u hu qalilha li mbagħad hu jwieġeb skont ma kif tippermettilu l-liġi. Qal li dik kienet l-unika darba li ċemplitlu.
13:41 Comodini Cachia staqsiet dwar jekk hux minnu li ppreżenta 19-il libell fl-istess ġurnata. Debono qal ma jiftakarx li dan sar fl-istess ġurnata. Qal li l-unika ħaġa li ried jagħmel bil-libelli kien li jagħmel punt, jiddefendi lilu nniffsu u mhux vindikazzjoni fil-konfront tal-ġurnalista.
13:40 L-avukat staqsiet dwar blogg dwar vjaġġ tiegħu ma' uffiċjal pubbliku. Staqsiet x'kienet ir-reazzjoni tiegħu miegħu. Debono qal li hemm xhieda ċara li Ivan Portelli ma tah xejn. Qal li tela' miegħu Vince Micallef.
13:38 L-avukat Comodini Cachia staqsiet jekk hux minnu li biex jitwaqqaw il-libelli jridu jitneħħew il-bloggs ta' Caruana Galizia fil-konfront tiegħu. Debono wieġeb li hu lest minn qalbu biex isibu soluzzjoni. Qal li jixtieq li jiltaqgħu, jiddiskutuha u tinstab soluzzjoni.
13:38 Debono qal li maċ-Chief of Staff kien ikollhom laqgħat fuq proġetti inġenerali.
13:37 Dwar jekk tkellimx ma' Keith Schembri, Debono qal li hu kien jiltaqa' maċ-Chief of Staff, mhux ma' Keith Schembri. Irrimarka li hu ma kien qed jagħmel xejn speċjali. Ma kienx ħabib tiegħu, iżda kien ikollu jitkellem maċ-Chief of Staff, irrelevanti hu min hu.
13:36 Qal li ma jistax ikun li wieħed ifittex ismu u kull ma jara huma l-kliem "mafja", "korrott" fost oħrajn.
13:36 Sostna li hu jissimpatizza mal-qraba tal-ġurnalista assassinata. Irrimarka li kieku ommu nqatlet bl-istess mod, kien jirreġixxi bħalhom.
13:35 Qal li kull darba li l-ġurnalista semmiet li hu mafjuż, fost oħrajn, ħass il-bżonn li jiftaħ kawża. Spjega li l-kawża għadha pendenti. Spjega li jixtieq ipoġġi mal-familja ta' Caruana Galizia u jiddiskutu.
13:34 Il-bord staqsa dwar il-libelli li għandu fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Debono qal li hu għandu 16-il kawża. Sostna li l-ġurnalista kienet tattakkah fuq affarijiet li insista li mhux veritieri.
13:33 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Puliccino staqsa jekk il-Gvern kienx hu li ddeċieda li jpoġġi din l-art għal dan it-tip ta' proġett. Hu qal li hu ma jistax iwieġeb għall-Gvern għax ladarba hu neegozjant ma jinteressahx x'jgħid u jagħmel il-Kabinett.
13:31 Debono qal li fl-2006, ħarġet il-policy għal mixed use. Qal li hu dejjem kien interessat fi proġett tat-tip u kien attent jistenna l-Gvern joħroġ opportunita bħal din. Qal li malli ħarġet din l-opportunita marru għaliha.
13:30 Debono rrepeta li Projects Malta ħareġ tender, huma ssottomettew proposta, rebħu t-tender għax kienu ssottomettew proposta huma bissa u eventwalment ġiet ippolitiċizzata.
13:29 Debono qal li hu qatt ma kellem lill-Ministru Konrad Mizzi. Qal li qabel it-tender hu ma kellimx lill-Ministru u wara t-tender kien hemm nies oħra mill-maniġment li kienu jmorru għal-laqgħat.
13:28 Debono ntalab biex kemm jista' jkun jikkontrolla l-livell tal-vuċi tiegħu.
13:28 Irrimarka li għax kien hu l-unika wieħed li ssottometta t-tender, kellu jħallas €17-il miljun, iżda spiċċa jħallas iktar.
13:27 Debono qal li kien bagħat għalih il-Prim Ministru u qal li bdiet tiġi ppolitiċizzata u b'hekk kellha toħroġ it-tender.
13:26 Debono qal li huma ntalbu jagħżlu wieħed mill-awdituri tal-Big Four, u kemm qalulhom ħallsu.
13:26 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Puliccino qallu li dan mhux ta' interess għall-Qorti. Qal li hu jrid ikun jaf dwar il-proċess.
13:24 Debono qal li minn kważi 26 tomna, 90% minnhom huma ċens. Qal li mhux veru li dawn it-tomna se jintużaw għal real estate. Sostna li l-art obbligati li jibnu lukanda fiha.
13:24 Hu għadda kopja tal-artiklu li jgħid dan il-kliem lill-bord ta' inkjesta.
13:22 L-Imħallef Mallia kkwota parti mid-dokument. Debono qal li l-bord għandu jistaqsi lil xi ħadd tal-Gvern. Spjega li l-Unjoni Ewropea ddeċidew li m'hemm xejn x'jistgħu jinvestigaw fuq dan il-proġett.
13:22 Debono sostna li d-dokument juri l-verita kollha li hu qatt ma beża' jħallas l-ikbar prezz fl-istorja ta' Malta għal art tal-Gvern.
13:21 Debono għadda kopja tar-rapport lill-bord tal-inkjest fejn tkellem dwar paragrafu 10.3. Qal li fl-istorja ta' Malta, ħadd ma ħallas flus daqsu, inġenerali, lill-Gvern. Sostna li hu dejjem ħallas l-ikbar prezz.
13:20 Debono qal li jieħu gost li r-rapport ħareġ jgħid li l-prezz huwa ġust. Sostna li ħareġ ċar daqs il-kristall li l-prezz huwa ġust.
13:19 Debono qal li t-tender inħareġ minn Projects Malta. Qal li kien hemm xi ħames kumpaniji li ħallsu €10,000 biex jiġbru t-tender. Qal li hu kien l-unika wieħed li għamel is-sottomissjoni fl-aħħar.
13:18 Debono spjega li tal-ITS kienet ħarġet pubblika u l-Grupp db applika għaliha. Hu qal li ma kienx hemm aktar proġetti.
13:18 Debono qed iwieġeb dwar kif jaħdmu meta jkun hemm proġetti mal-Gvern. Hu qal li l-ewwel wieħed jara li jkun hemm sejħa għall-offerti.
13:16 Il-bord staqsa lix-xhud jekk bħalissa hemmx xi investigazzjonijiet għaddejjin dwaru. Hu wieġeb jgħid li le.
13:15 Jidħol fl-awla x-xhud tal-lum, iċ-Chairman tal-Grupp db: Silvio Debono.
13:14 Il-bord ta' inkjesta daħal fl-awla issa. Is-smigħ tal-lum jibda f'dan il-ħin.
13:10 Preżenti fl-awla hawn s'issa diversi membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata, inkluż binha Paul Caruana Galizia u oħtha Corinne Vella.
13:10 Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
13:08 Minbarra x-xhieda ta' Silvio Debono jidher li se jkun hawn xhieda wkoll min-naħa ta' Paul Apap Bologna u Kurt Farrugia. Milli jidher dawn se jkunu qed jippreżentaw xi dokumenti.
13:05 Bħalissa ninsabu f'awla 20 fejn minn ħin għall-ieħor mistennija tkompli l-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
13:03 Il-ġurnata t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-live blogg.
Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Fl-aħħar smigħ xehdu fil-Qorti l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri.