Dalwaqt se tkun tista’ taċċessa 24,200 siegħa ta’ filmati tal-PBS

DOI - Clifton Fenech

Proġett b’investiment ta’ €4.8 miljun għad-diġitalizzazzjoni ta’ 24,200 siegħa ta’ filmati tal-PBS se jkun qed iwassal sabiex l-istess filmati jkunu disponibbli għall-pubbliku b’xejn permezz ta’ kodiċi QR ma’ arbli u plakek imqassmin mal-pajjiż.

Dan ġie spjegat fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej. Il-proġett bl-isem ta’ ‘Tisħiħ tal-Esperjenza ta’ Turiżmu Kulturali Permezz tad-Diġitalizzazzjoni’ għandu jitlesta sal-2021. L-ewwel fażi ġiet finalizzata b’tiġdid komplut tal-pjan ta’ taħt tal-HUB tal-Kreattività. Il-proġett inkluda tmien kmamar għall-editjar, il-ħolqien ta’ spazju miftuħ hgħall-indiċjar u kamra għas-server tal-ħażna u r-robotika. Intant, l-istqarrija spjegat li bħalissa edituri, diretturi u inputters tal-metadata qed jaħdmu mal-PBS biex jiffukaw biss fuq dan il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li grazzi għal dan il-proġett qed joħroġ il-potenzjal kollu tar-rwol informattiv u edukattiv li jġib miegħu dan is-sors ta’ informazzjoni. Qal li b’hekk jiġi żgurat li filmati importanti li jiddokumentaw l-istorja riċenti tal-pajjiż jiġu preservati u jkunu disponibbli għal kulħadd. Il-proġett se jkun qed jippreżerva filmati li jmorru lura għas-sittinijiet billi jikkategorizza l-legat f’erba’ kategorijiL kultura, avvenimenti, personalitajiet fl-istorja u postijiet.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fakkar kif f’laqgħa li saret f’Pariġi wara t-traġedja tan-Notre Dame, Ministri Ewropej qablu li hemm bżonn investiment ikbar fil-kultura sabiex jiġi ppreservat il-wirt storiku Ewropew.