Dalwaqt mhux se titqażżeż tidħol fil-latrina ta’ Ħondoq

Persuni li jiffrekwentaw il-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, qalu ma' Newsbook.com.mt li hemm bżonn ta' ndafa kontinwa u ristrutturar tal-latrina pubblika. 
Qalu li fl-istat li tinsab fiha llum din il-latrina,wieħed jitqażżeż jagħmel użu minnha u ma jirriflettix tajjeb mat-turisti li jżuru l-bajja. Żied jgħid li għandhom jiġu nstallati wkoll xawers. 
Għat-tweġibiet ta' Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għal Għawdex qalet li din il-latrina hija qadima ħafna. Żiedet tgħid li l-Kunsill Lokali tal-Qala għandu ħaddiem li qed inaddaf din il-latrina darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija. 
Il-kelliema għall-Ministeru qalet ukoll li minkejja li din mhix proprjetà tal-Kunsill, din il-ġimgħa se jkun qed jagħmel xogħol ta' tibjid u manutenzjoni f'din il-latrina pubblika, biex tkun ta' servizz aħjar għal kull min iżur il-bajja. 
Ritratt fuq: info@newsbook.com.mt