Filmat: “Determinat li nimxu verament flimkien, mhux taparsi” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li hemm tiċrita li trid tissewwa, imma determinat li jimxi fit-triq tat-tajjeb, “verament flimkien, mhux għat-taparsi,” flimkien ma’ nies li jpoġġu l-interess tal-partit qabel l-interess personali tagħhom.

Dan qalu fl-ewwel messaġġ tiegħu fuq NET Television wara li llum waranofsinhar, huwa ġie kkonfermat Kap tal-Oppożizzjoni. Minkejja li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni m’għadx għandhom fiduċja f’Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, il-President iddeċieda li Delia għandu jibqa’ jokkupa din il-kariga.

Dan wara jumejn ta’ laqgħat individwali bejn il-President u t-28 Membru Parlamentari fl-Oppożizzjoni, inkluż ma’ Delia nnifsu. Dan il-proċess skatta wara li ttieħed vot ta’ fiduċja li Delia tilef il-ġimgħa li għaddiet, u mbagħad id-Deputati Claudette Buttigieg u Chris Said avviċinaw lill-President bin-nomina ta’ Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

Delia qal li żamm sieket tul l-aħħar ġranet, mhux għax ma kellux xi jgħid imma għax il-kariga titlob minnu kawtela, u ried li jirrispetta l-Kostituzzjoni u dak li titlob minnu. Semma kif, “Illum ma rebaħ ħadd, nibdew nirbħu biss meta nagħrfu kif nissaħħu, kif nistgħu nagħmlu l-ġid lil pajjiżna.”

Il-Kap tal-PN irringrazzja lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li appoġġjawh f’dawn l-aħħar jiem. Qal li kien hemm eluf li weġġgħu peress li jħobbu l-partit.

Huwa wiegħed li jaħdem aktar minn qatt qabel biex jiġġieled “il-korruzzjoni li ħakmet lil Malta.” Semma kif mill-ftehim tal-Electrogas, qegħdin jinsterqu l-miljuni, mill-ftehim mal-Vitals Global Healthcare qed jittieħdu kwart ta’ miljun kuljum, u kif il-Prim Ministru Robert Abela għadu jdejh marbutin u ma jistax jiddeċiedi favur pajjiżu. Bil-ħidma tiegħu, Delia wiegħed li jrid jara li l-Oppożizzjoni tirnexxi f’dak li ma rnexxilux jagħmel il-Gvern, irid jara li Konrad Mizzi u Joseph Muscat ma jibqgħux fil-Parlament. Stqarr li jħoss li l-Partit Nazzjonalista huwa kapaċi jistieden aktar nies li tilfu l-fiduċja fil-Partit Laburista ladarba dan nesa liż-żgħir u lill-vulnerabbli.

Temm il-messaġġ tiegħu billi wiegħed li ma jaqta’ qalbu qatt, li mhuwiex se jabdika mir-responsabbiltà tiegħu.

Il-PN sodisfatt bid-deċiżjoni tal-President

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha qal li jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-President. Afferma mill-ġdid li anke skont l-istatut tiegħu, huwa l-Kap tal-Partit li għandu jokkupa din il-kariga.

Fl-istess waqt, il-Partit wiegħed li jibqa’ jagħmel appell lil kull min iħobb lil pajjiżu sabiex aktar minn qatt qabel, issir ħidma ta’ skrutinju fuq il-Gvern kif ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur il-ġustizzja u l-verità. “B’dan il-mod il-Partit Nazzjonalista qiegħed ukoll jilqa’ l-appell li għamel il-President ta’ Malta favur stabbiltà demokratika f’pajjiżna,” tispiċċa l-istqarrija.