Filmat: “M’iniex se nirreżenja” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li dan mhuwiex żmien li jsiru elezzjonijiet interni, u b’hekk mhuwiex se jkun qed jirreżenja. Huwa fakkar li meta hu ħa r-riedni tal-partit f’idejh sena u nofs ilu, ma bediex minn żero imma beda minn taħt żero.

Dan qalu meta żar is-Sala Ċentrali tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, fejn wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u ltaqa’ mal-partitarji u l-voluntiera tal-PN.

Delia qal li ċerti problemi finanzjarji u strutturali fil-partit għadhom jippersistu, iżda huwa fiduċjuż li l-affarijiet diġà bdew jinbidlu billi l-PN qed jiltaqa’ man-nies u jiddjaloga magħhom. Minkejja dan, huwa ammetta li r-responsabbiltà trid tintrefa’ u qal li hu jerfa’ xi ftit mir-responsabbiltà ta’ din it-telfa.

Meta mistoqsi dwar qasma fil-partit, Delia qal li fil-bidu kien hemm ħafna li ma kinux miġbudin lejh, imma llum il-ġurnata jħoss li kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed.

Delia qal ukoll li minkejja t-telfa f’din l-elezzjoni, huwa se jħares ’il quddiem lejn it-tliet snin li ġejjin bi preparazzjoni għall-elezzjoni ġenerali tal-2022.

L-ewwel messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista għadda l-ewwel messaġġ tiegħu wara li tħabbret it-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Delia qal li r-riżultat huwa ċar, billi l-PL rebaħ maġġoranza assoluta u hu ċar li se jirbaħ ir-raba’ siġġu. Delia qal li l-PN jaċċetta dan ir-riżultat bl-akbar umiltà. Qal ukoll li l-PN se jixtarr sew dan ir-riżultat sabiex jara x’ġara.

Casa mistenni jibqa’; Agius Saliba u Cutajar x’aktarx l-uċuħ il-ġodda

Adrian Delia qal li minkejja din it-telfa, il-PN għadu t-tieni l-akbar pajjiż f’Malta. Hu rringrazzja lill-votanti u lill-voluntiera kollha, u anke lil dawk li ma vvutawx, u qal li l-PN għadu jrid jifhem kif dawk li ma vvutawx jistgħu jagħżlu lill-PN.

Il-Kap qal li l-PN għadda minn sfidi kbar tul l-aħħar xhur, u li daħal fit-tmexxija “fl-agħar żmien tal-PN” meta kien hemm u għad hemm diffikultajiet finanzjarji u defiċit fil-voti. Huwa qal li jridu jifhmu r-raġunijiet għaliex il-PN għadu mhuwiex l-għażla tan-nies.

Delia qal li l-PN beħsiebu jkompli bil-ħidma tiegħu tul l-aħħar xhur meta l-membri tal-partit kienu qed jaħdmu flimkien u jiltaqgħu man-nies. Huwa qal li f’dawn l-agħar żminijiet, jeħtieġ li n-Nazzjonalisti jridu jkunu aħjar minn qatt qabel, u jsibu wċuħ ġodda, u jinvolvu aktar nies. Żied jgħid li l-proċess beda u għandu jibqa’ għaddej.

L-istedina tal-Kap kienet għal dawk kollha li jaħsbu li jistgħu jagħmlu dan il-vjaġġ mal-PN. “Kuraġġ, taqtgħux qalbkom, it-triq hija twila imma rridu nimxuha, u biex naslu rridu nimxuha flimkien,” temm jgħid Adrian Delia.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li jidher li l-PN tilef siġġu fil-Parlament, u ż-żewġ siġġijiet tal-PN se jimtlew minn Roberta Metsola u David Casa.

Filmat: “Ċans għal riformi fil-PN b’dan ir-riżultat” – Puli