Propost pjan ta’ għajnuna lil Libja; xejn għall-immigranti ħdejn Malta

Hekk kif il-portijiet Maltin se jibqgħu magħluqa, il-Gvern ħabbar li se jkun qed jinsisti mal-Unjoni Ewropea biex tibda missjoni umanitarja fil-Libja. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ħabbar dan illejla fejn qal ukoll li l-pakkett finanzjarju għandu jkun ta’ €100 miljun u l-għajnuna għandha tingħata imminenti, illum qabel għada.

Il-Ministru ma tkellem xejn dwar kif il-Gvern Malti jista’ jgħin lill-immigranti fuq id-dgħajjes li jinsabu qrib Malta. Il-Ministru qal li fil-passat Malta għamlet aktar minn dak li huwa rikjest minnha mill-obbligi internazzjonali. Sostna li r-riżorsi ta’ Malta qed jiġu dedikati għall-konteniment u t-trattament tal-pandemija tal-coronavirus fil-gżejjer Maltin.

F’messaġġ irrekordjat fuq Facebook, il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern Malti qed jagħmel din il-proposta għax fil-Libja hemm gwerra bil-konsegwenza li l-persuni qed jesperjenzaw sitwazzjoni ta’ kampjijiet tad-detenzjoni mimlija. Huwa qal li dan huwa kuntest tal-biża’ li fiha hemm l-ingredjenti kollha għal kriżi umanitarja.

Dwar il-pakkett Ewropew propost minn Malta, il-Ministru qal li għandu jkun fih €100 miljun għall-ikel, mediċini u dak kollu neċessarju fil-Libja. Qal ukoll li Malta lesta tassisti wkoll lil-Libja fix-xiri ta’ apparat mediku li bħalissa mhux sempliċi biex tixtrih.

Huwa qal li l-għajnuna li tista’ tingħata fil-Libja stess hija aħjar milli jirriskjaw ħajjithom fil-Baħar tal-Mediterran. Sostna li din l-inizjattiva tnaqqas ukoll mit-traffikanti li skont il-Ministru qed jaqilgħu l-flus minn persuni vulnerabbli. Dwar l-għaqdiet li jsalvaw il-ħajjiet, il-Mninistru qal li dawn huma parteċipi f’din it-traġedja umana.

Huwa temm jgħid li pajjiż b’daqs ta’ belt waħda Ewropea m’għandix tkun hi li terfa’ r-responsabbiltà waħidha.

Matul l-aħħar sigħat, għadd ta’ għaqdiet u istituzzjonijiet fosthom l-Isqfijiet Maltin għamlu l-appelli tagħhom biex il-Gvern Malti jaqdi d-dmirijiet umanitarji u internazzjonli biex isalvaw l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma.

Il-messaġġ tal-Ministru Bartolo mistenni jixxandar fil-minuti li ġejjin.