Dalwaqt ma tibqax tarah fil-Qawra

Il-ħidma sabiex jitneħħa l-vapur Hephaestus li jinsab inkaljat fil-Qawra se tibda nhar it-Tnejn, wara li ġie approvat il-pjan u l-permess ambjentali.
Dan tħabbar fi stqarrija minn Transport Malta li spjegat ukoll li x-xogħol mistenni jieħu madwar 35 ġurnata.
Wara sejħa għal kuntratturi b’potenzjal li jwettqu din il-ħidma, l-kuntratt ingħata lil Cassar Ship Repair (CSR), li issa beda jimmobilizza l-inġenji u qed jagħmel l-aħħar preparamenti qabel jibda x-xogħol.
Fl-istqarrija ġie spjegat il-pjan li se jibda billi jimmobilizza u jagħmel evalwazzjoni tar-riskji iktar dettaljata. Il-kuntrattur imbagħad ineħħi l-perikli li fih il-bastiment biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu fih.
Wara, il-ħaddiema se jnaddfu l-kompartamenti kollha u jsewwu t-tiċrit fil-qoxra tal-vapur.
Il-kuntrattur imbagħad jerfa’ l-vapur minn fuq il-blat u jniżżlu lura fil-baħar, permezz ta’ inġenji speċjalizzati.
Malli jkun f’wiċċ l-ilma, l-vapur se jiġi rmunkat għat-tarzna tal-kuntrattur fil-Marsa.
Transport Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se jkunu qed isegwu l-operazzjoni kollha mill-qrib.
Għaldaqstant il-pubbliku qed jintalab biex ma jidħolx fiż-żona ristretta sabiex ma jfixkilx ix-xogħlijiet kif ukoll għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Il-vapur Hephaestus, tanker ta’ 60 metru rreġistrat it-Togo nkalja fil-Qawra waqt maltempata fl-10 ta’ Frar li għadda.
Ritratt: Ian Noel Pace