“Inħobbkom” – l-aħħar kelma ta’ Joseph Muscat

"Se nibqa' magħkom; id-diżappunti noħodhom miegħi"

Partit Laburista / Facebook

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat f’Rahal Gdid

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat f’Rahal Gdid

Posted by Partit Laburista on Friday, January 10, 2020

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illejla għamel l-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta waqt il-Kungress tal-Partit Laburista.

Illum ngħata bidu għall-Kungress tal-Partit Laburista bl-ewwel sessjoni fis-7pm fil-Padiljun Sportiv f’Raħal Ġdid.

X’qal il-Prim Ministru fl-aħħar diskors tiegħu?

  • “Kemm nieħu gost tgħajtuli Joseph”
  • “Tibżgħux li jgħajruni u jżebilħuni”
  • “Tajt ħajti lill-pajjiżi”
  • “Xħin ma stajtx nassigura l-pożittività ddeċidejt li nħalli f’idejn ħaddieħor”
  • “Weġġgħuni, weġġajt lil xi nies”
  • “Wara dak it-taqlib kollu li kellna għadna bl-istess maġġoranza”
  • “Il-kariga ta’ PM hi ta’ solitudni”
  • “Indunajt min huma l-veru ħbieb”
  • “L-iktar kritika li ħassejt kienet lejn marti u wliedi”
  • “Se nkun tagħkom u magħkom kif dejjem kont… l-impenn politiku tiegħi se jkompli bi ftit żmien fil-Parlament”
  • “Se ninvolvi ruħi f’2 oqsma – il-libertajiet ċivili u l-qasam sportiv”
  • “Ma ridt qatt li tinqatel omm għax tgħid dak li tħoss”
  • “Ma rrid lil ħadd jirkeb fuq episodju iswed li jkisser lill-pajjiż”
  • “Michelle kienet is-sinsla meta kont dgħajjef, għajjien jew inkwetat wara ġurnata iebsa, u għamlitha l-missjoni tagħha li tgħin lil dawk fil-bżonn.”
  • “Bqajna familja waħda li nħobbu u ma nobogħdux għax dejjem hekk kien qaddisna”
  • “Is-suċċessi li ksibt il-mertu tagħkom, id-diżappunti se noħodhom miegħi”
  • “Inħobbkom”
20:26 Il-President tal-PL Daniel Micallef irringrazzja lil Grace u Salvu, lil Etoile u Soleil u lil Michelle talli silfu lill-Partit Laburista u lil Malta lil Joseph Muscat.

Fuq kollox, irringrazzja lil Muscat.

Michelle Muscat u Etoile u Soleil jingħaqdu mal-PM fuq il-palk fejn isellmu lill-udjenza.
Sephora Francalanza
20:25 Muscat qal li jrid itemm eżatt fejn beda: "Inħobbkom!" jgħid lill-pubbliku.
Sephora Francalanza
20:23 Il-Prim Ministru rringrazzja lil-Laburisti tal-imħabba u l-appoġġ li baqgħu juruh. Qal li s-suċċessi li kisbu huma mertu tan-nies, u d-diżappunti joħodhom hu miegħu.

Qal li fl-2008 kienu għorrief biżżejjed biex fdaw żagħżugħ ta' 34 sena bit-tmexxija tal-Partit Laburista, u "flimkien wellidna dan il-Moviment."

Insista li hu kburi li żamm kelmtu man-nies, li dak li ried iwettaq, wettqu.
Sephora Francalanza
20:22 Muscat irrifletta li kellu xogħol iebes, imma dejjem poġġa lil uliedu l-ewwel. "Is-saħħa tagħhom iżżommni b'saħħti." Qal li mil-lum 'il quddiem se jara li aktar minn qabel iġibhom fuq kull ħaġ'oħra.
Sephora Francalanza
20:21 "Bqajna familja waħda li nħobbu u ma nobogħdux għax dejjem hekk kien qaddisna"
Sephora Francalanza
20:20 Irringrazzja lil uliedu Etoile u Soleil, li bdew din it-triq meta kienu għadhom ta' ftit xhur. Qal li rabbewhom sodi u avolja kien hemm min immiralhom mibegħda, illum kibru f'żewġ tfajliet sodi.

Qal li jaf li għandhom karattru sod biżżejjed biex jgħixu ħajjithom u jkunu b'saħħithom fid-deċiżjonijiet li jagħmlu.
Sephora Francalanza
20:20 Irringrazzja lill-ġenituri li rabbewh u baqgħu t'appoġġ għalih. Qal li jittama li issa jsibu ftit serħan.
Sephora Francalanza
20:18 Muscat irringrazzja lil dawk kollha li baqgħu spalla ma' spalla miegħu sal-aħħar.

Irringrazzja lil martu Michelle – qal li kienet is-sinsla tal-familja meta kien dgħajjef, għajjien jew inkwetat wara ġurnata iebsa, u għamlitha l-missjoni tagħha li tgħin lil dawk fil-bżonn. Qal li jħares 'il quddiem li jkollhom aktar ħin flimkien, għalkemm huwa ċert li se tibqa' taħdem "u se tibqa' tgħum."
Sephora Francalanza
20:17 Dispjaċir ieħor li semma huwa meta l-mibegħda razzjali għolliet rasha. Qal li kellu mumenti ta' rabja fuq livell politiku, imma ra li qatt ma jħalli r-rabja tiegħu tinfluwenza lil ħaddieħor.
Sephora Francalanza
20:17 Semma d-dispjaċiri u qal li dispjaċir kbir huwa l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, anke jekk ħallas l-akbar prezz politiku biex jissolva l-każ.

Qal li minkejja l-uġigħ li ħass hu bil-pinna tagħha, qatt ma jista' jħoss l-uġigħ li ġġarrab familtha.
Sephora Francalanza
20:11 Muscat qal li kien hemm min staqsieh fejn sejjer u hu ċċajta, "Żgur mhux mal-Partit Nazzjonalista."

Qal li ddedika lilu nnifsu biex jagħti l-aqwa żmien, Malta tagħna lkoll, u Malta f'qalbna, għaldaqstant spjega li "se nibqa' magħkom, mhux fuq quddiem u mhux se tarawni ħafna, imma se nkun magħkom u tagħkom kif dejjem kont." Muscat qal li l-impenn politiku tiegħu se jkompli għal ftit żmien ieħor fil-Parlament.

Wara beħsiebu jinvolvi ruħu f'żewġ oqsma: fil-qasam tal-libertajiet ċivili, fejn qal li fadal ħafna xi jsir, u fil-qasam sportiv permezz ta' proġett ġdid.

Spjega li dejjem qal dak li jemmen – fir-referendum tad-divorzju u tal-kaċċa, pereżempju, imma qal li issa li mhux se jkollu manifesti elettorali, se jkun ħafna iżjed onest.
Sephora Francalanza
20:10 Il-PM qal mill-ġdid li hu qatt ma emmen li persuna f'kariga għolja għandha ddum wisq f'dik il-kariga.
Sephora Francalanza
20:09 Fost il-bidliet li hemm bżonn isiru, Muscat semma r-rappreżentazzjoni ekwa bejn is-sessi fil-Parlament. Qal li jiddispjaċih li dil-bidla bdieha u ma rnexxilux itemmha hu.
Sephora Francalanza
20:07 "B'Robert u Chris se nibqgħu rebbiħin!" qal Muscat.

Qal li hemm diversi affarijiet li xtaq jagħmel bħala PM, fosthom li jaqta' t-tgħajjir personali mill-arena politika. Ħaġa li ma ddispjaċihx minnha hi li hu qatt ma waqa' fl-istess livelli tal-avversarji.

Muscat insista li l-Moviment Laburista wera mħabba.
Sephora Francalanza
20:05 Muscat irrefera għall-każ tal-Egrant bħala frame-up. Qal li għażel li jaqla' d-daqqiet mingħajr ma jagħti lura, għax jemmen li min ikun fl-ogħla kariga għandu jkollu ġilda xierfa.

"Tawni kemm tawni qatt ma rebħuli," stqarr Muscat. Il-folla reġgħet qabdet iċċapċap u tgħajjat b'appoġġ.
Sephora Francalanza
20:03 Sostna li Prim Ministru jrid jerfa' dak li hu tiegħu u anke dak li mhux.

"Iddedikajt ħajti għal dan il-pajjiż u ma jiddispjaċinix." L-uniku dispjaċir tiegħu, qal Muscat, hu li miegħu ħallset familtu. Qal li hu kien lest għal kull kritika, iżda l-aktar kritika li sab ħarxa u diffiċli kienet dik lejn martu u wliedu, kif ukoll lejn nies li mhumiex involuti fil-politika imma huma ħbieb tiegħu.

Qal li minkejja dan kollu, familtu ssaħħet b'dawn l-attakki.
Sephora Francalanza
20:02 Jgħid li qatt ma mexxa bil-Facebook u mnalla ma kienx hekk. Saħaq li mexxa bil-prinċipji tiegħu, bil-prinċipji Soċjalisti demokratiċi li jemmen fihom.

Qal li kellu mumenti meta baqa' jappoġġja l-istituzzjonijiet anke meta dawn daru kontra l-Gvern.

Qal li d-deċiżjoni li jirreżenja ħadha waħdu, minkejja li kellu l-appoġġ tal-Parlamentari u l-appoġġ tal-Laburisti.
Sephora Francalanza
20:01 Muscat qal li l-mumenti diffiċli kienu ħafna, u għażel li jġorrhom waħdu ħafna drabi. Kellu mumenti fejn kellu jagħmel ċerti deċiżjonijiet, bħal-lejla stess, dwar jekk għandhiex tidħol dgħajsa bl-immigranti.
Sephora Francalanza
19:57 Qal li anke f'mumenti ta' ċelebrazzjoni, dawn għexhom iktar fis-silenzju.

Stqarr li dan l-aħħar induna min huma l-veru ħbieb.

Semma koppja li kienet ilha tipprova jkollha tarbija, u permezz tal-IVF irnexxielha tinqabad tqila. Qal li stejjer bħal dawn, nies bħal dawn, tawh saħħa ġdida. Semma wkoll l-omosesswali, l-għajnuna finanzjarja lill-familji biex jaddottaw, iċ-childcare b'xejn.

Qal li mumenti bħal dawn imlewlu ħajtu bil-kuraġġ minkejja l-kritika qawwija li qala'.
Sephora Francalanza
19:57 Il-Prim Ministru stqarr li l-kariga ta' PM kienet waħda ta' solitudni. Qal li l-maġġoranza tal-mumenti sbieħ, u aktar u aktar koroh għexhom waħdu.
Sephora Francalanza
19:56 "Nemmen li l-aqwa żmien se jkompli, anzi l-aqwa żmien fadallu ħafna biex jintemm" – Il-PM
Sephora Francalanza
19:55 Tkellem fuq in-neċessità li l-Moviment Laburista jiġġedded biex jibqa' relevanti – jibqa' moviment lest li jiftaħ il-bibien tiegħu u jħaddan lil kull min għandu twemmin progressiv.

Muscat qal li kull meta l-PL ħolom, Malta rebħet.
Sephora Francalanza
19:55 Dwar il-PL qal li kiber b'mod li qatt ma ra qabel. "Sirna d-dar naturali tal-maġġoranza assoluta tal-progressivi moderati Maltin," qal Muscat.
Sephora Francalanza
19:53 Il-Prim Ministru qal li issa ninsabu fuq l-għatba tal-bidla, u din il-bidla m'għandhiex tibża' tbiddel dak li hu ħażin.

Qal li l-għan tiegħu kien li t-tiġdid isir f'din is-sena sinfikattiva, l-2020, li timmarka l-100 sena minn mindu twieled il-Partit Laburista.
Sephora Francalanza
19:52 Muscat qal li l-mudell ekonomiku ġdid introdott mill-Gvern Laburista ġab sistema ġdida li fiha ftit kien hemm tilwim industrijali u diżgwid bejn min iħaddem u min jaħdem.
Sephora Francalanza
19:45 Qal li s-sitwazzjoni nbidlet tant li llum imgħallma jittallbu għall-ħaddiema hemm. Tenna kemm hu kburi li f'Malta hawn l-inqas rata ta' qgħad fost il-persuni b'diżabbiltà.

Semma eluf ta' żgħażagħ li flok jirreġistraw bdew il-karriera tagħhom, semma n-nisa li komplew jaħdmu grazzi għaċ-childcare b'xejn, kif ukoll il-persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, li saru ħaddiema u membri sħaħ tas-soċjetà.

Fir-rigward tal-pensjonanti, Muscat qal li llum qed jaraw żieda wara l-oħra, peress li din baqgħet tiżdied kull sena mill-2013. Muscat ħeġġeġ lill-PM ta' warajh biex jibqa' jieħu ħsieb il-pensjonanti.

Tkellem ukoll fuq il-first time buyers u qal li huma parti mill-klassi tan-nofs il-ġdida li ħoloq il-Moviment Laburista.
Sephora Francalanza
19:44 Il-Prim Ministru jgħid li minflok dejn, kburi li qed iħalli lil ta' warajh fond nazzjonali b'€600 miljun fih.

Muscat indirizza lil Abela u Fearne u qalilhom, "Aħilbu għax issa hemm minn fejn!"
Sephora Francalanza
19:43 Il-PM qal li hu kburi li Malta se jkollha l-aqwa rata ta' tkabbir fl-Unjoni Ewropea din is-sena. "L-aqwa fl-Ewropa!" esklama Muscat.
Sephora Francalanza
19:42 "Is-suċċess ta' pajjiżna ma kienx il-frott tal-jiena, imma l-frott tal-aħna."

Muscat qal li malli l-Gvern wera li kien qed iwettaq li wiegħed, hemm iffjorixxiet il-fiduċja tal-poplu, għaliex il-poplu, skont Muscat, kien imlebleb għall-fiduċja u għadu.
Sephora Francalanza
19:39 Muscat jgħid li dak li l-Gvern ma kellux f'esperjenza, ikkumpensa għalih bl-entużjażmu, bir-rieda u bil-kuraġġ.

Qal li l-Gvern Laburista sab deficit ta' €250 miljun f'sena waħda, nies qiegħda li żdiedu b'1,000 ruħ, ġenituri jitkarrbu għax-xogħol għal uliedhom. Il-Gvern kellu jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi. Qal li l-Gvern kien l-ewwel Gvern fi kwart ta' seklu li żied il-paga minima.

Muscat qal li l-Gvern kien ċert minn ħaġa waħda: li jekk lill-poplu Malti titimgħu l-fiduċja, jimxi lejn is-suċċess "għax il-fiduċja twelled is-suċċess."
Sephora Francalanza
19:37 Semma ż-żmien meta l-PL kien fl-Oppożizzjoni taħtu, bejn l-2008 u l-2013, u qal li kienu iebsa f'dak iż-żmien imma qatt ma kienu forza negattiva.

Qal li għalkemm il-PN oġġezzjona għall-proposti tal-PL, dawn ħadmu, u semma kif il-PL raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Qal li normali li xi kultant jinqata' d-dawl, imma li kieku għaddiet tal-PN, Malta kienet tagħmel xhur bla dawl.
Sephora Francalanza
19:34 Jirrakkonta li f'lejlet l-elezzjoni tal-2013 f'Ħal Far, qabel ma ħareġ biex jitkellem qalulu li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ħareġ jitkellmu miegħu lil Eddie Fenech Adami u Simon Busuttil. Muscat jgħid li hemm induna li kienu qed jibżgħu ħafna aktar milli kien qed jaħseb "mill-mewġa li ġiet għalihom."

Żied jgħid, "3 mexxejja tal-Partit Nazzjonalista kontra tifel li suppost kellhom jirbħulu bla diffikultà, imma kollha kemm huma f'daqqa ma rnexxilhomx inaqqru mis-saħħa ta' dan il-Moviment."
Sephora Francalanza
19:33 Muscat jinsisti li llum, wara t-taqlib politiku, il-Partit Laburista għadu jgawdi l-maġġoranza. Semma wkoll ir-rebħa tal-2019 fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali.
Sephora Francalanza
19:31 Il-Prim Ministru jgħid li ħadd mhu se jħassar it-tajjeb li sar mill-memorja tal-pajjiż.

Jgħid li l-PL trasformawh f'magna ta' rebħiet elettorali, u saru ġenerazzjoni rebbieħa. Jisħaq li mill-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2009, il-PL ma tilifx elezzjoni waħda. Jirrifletti fuq l-għaxar rebħiet minn dakinhar sal-lum.

Muscat jgħid li l-PL biddel il-mappa politika ta' Malta u Għawdex għax il-politika kienet tolqot lil kulħadd, tmur lil hinn mill-individwu, imma rebħet l-imħuħ u l-qlub tan-nies.
Sephora Francalanza
19:29 Il-PM jgħid li jeħtieġ li tibqa' hemm l-onestà. Qal li hu l-ewwel wieħed li jitlob skuża għall-iżbalji li saru minnu jew minn ħaddieħor, għax fl-aħħar mill-aħħar, hu kien responsabbli ta' kollox.

Jgħid li weġġa', li weġġgħuh u hemm imnejn hu weġġa' lil xi nies bla ma kien jaf, imma appella lill-Maltin biex jibqgħu jħobbu lil Malta sal-aħħar nifs.
Sephora Francalanza
19:28 Fost l-għajat, "Joseph! Joseph!" Muscat jgħid li baqa' sakemm jara li jissolva l-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

"Inħobb lil pajjiżi u tajtu ħajti" – qal li xħin ra li ma jistax jassigura l-pożittività, għażel li jħallih f'idejn ħaddieħor. Qal li ħa dan il-pass biex l-għaqda tirbaħ fuq il-mibegħda.
Sephora Francalanza
19:27 "Għażilt li nħallas u qed inħallas l-ogħla prezz politiku."

Jgħid li dan l-ogħla prezz għamlu billi għamel l-għażla li llum jindirizza lill-poplu għall-aħħar darba bħala l-Prim Ministru ta' Malta.
Sephora Francalanza
19:26 "Tinkwetawx li jgħajruni u jżebilħuni."

Il-messaġġ ta' Muscat għall-futur tal-PL u ta' Malta hu biex il-Maltin ma jħallux min iħalli l-firda tirbaħ fuq l-għaqda, id-dwejjaq jirbaħ fuq il-ferħ, in-negattività tirbaħ fuq il-pożittività, il-mibegħda tirbaħ fuq l-imħabba.
Sephora Francalanza
19:24 Jgħid li fl-2008 kellu pjan ċar għal Malta li jgħaqqad lill-pajjiż lil hinn mill-aħmar u l-blu.

Muscat jirreferi għall-Partit Nazzjonalista meta jgħid li għandhom l-għatx għall-poter. Jgħid li meta f'Malta bdiet dieħla l-għaqda u l-konverġenza, "min-naħa ta' fuq jew t'isfel, Malti jew Għawdxi, straight jew gay," din kiddet lill-avversarji tal-Partit, imma appella lil-Laburisti sabiex jibqgħu jiġġieldu l-firda.

Insista li l-PL jibqa' l-moviment tal-għaqda u tal-imħabba.
Sephora Francalanza
19:23 "Jistgħu jifirħu li se nitlaq imma ma jistgħu jifirħu li rebħulna qatt."

Muscat jgħid li l-Moviment Laburista kien, għadu u se jibqa' b'saħħtu għax hu bbażat fuq il-ġid, it-tajjeb li wettaq il-PL f'100 sena ta' storja.
Sephora Francalanza
19:21 Il-Prim Ministru jgħid li meta tkellem l-ewwel darba fl-2008 ra ħafna wċuħ xettiċi dwar li kien qed jgħid u jekk kienx se jwettqu. Jirrifletti kif kien żagħżugħ ta' 34 sena li anke biex jibda fil-Parlament raha diffiċli, meta kellu jċedi postu għalih Joe Cuschieri.

Jgħid li meta qal li se jirbħu ma qalhiex b'suppervja, imma emmen fit-"terremot politiku" li kien beħsiebu jwettaq.
Sephora Francalanza
19:20 Muscat jiftaħ diskorsu billi jgħid: "Ħbieb tiegħi, kemm nieħu gost tgħajtuli Joseph. Kont Joseph, għadni Joseph u nibqa' Joseph."
Sephora Francalanza
19:18 Jasal il-Prim Ministru Joseph Muscat fost iċ-ċapċip tan-nies preżenti.
Sephora Francalanza
19:17 "Dal-jum ma ridtux jasal," jgħid Daniel Micallef. Qal li tkellem qabel Muscat numru ta' drabi imma llum l-iżjed diffiċli.
Sephora Francalanza
19:17 Il-folla taqbad tgħajjat "Joseph! Joseph!"
Sephora Francalanza
19:12 Micallef jgħid li qatta' 17-il sena fil-Partit Laburista, u l-aħħar 12-il sena "qattajthom miegħek Joseph."

Jappella lill-membri eliġibbli biex jivvutaw biex imorru jivvutaw għada. Micallef jirringrazzja lil Abela u Fearne talli "offrew lilhom infushom għal Malta u għall-Partit." Qal li jirbaħ min jirbaħ minnhom, l-aqwa li r-rebbieħ ikun il-Partit Laburista.

Micallef appella għall-għaqda fost il-Laburisti, u qal li jekk kien hemm bniedem li seddaq l-għaqda, dan kien Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
19:06 Bħalissa qed jindirizza l-folla l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef, li qed jitkellem fuq il-bidliet li wettaq il-Gvern Laburista.
Sephora Francalanza
19:03 Chris Fearne u Robert Abela joħorġu fuq il-palk quddiem sala mimlija nies. Għada t-tesserati tal-Partit Laburista jivvutaw lil min minnhom jixtiequ li jmexxi l-Partit Laburista u l-pajjiż.
Sephora Francalanza
18:41 Insellmulkom u nilqgħukom għar-rappurtaġġ live tal-aħħar diskors ta' Joseph Muscat bħala Prim Ministru.
Sephora Francalanza

Għada se ssir l-elezzjoni għal mexxej ġdid tal-Partit Laburista bejn iż-żewġ kandidati: id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Membru Parlamentari Robert Abela.