​Dalwaqt kumitat li jevalwa l-aċċess tal-mediċini għall-pazjenti b’mard rari

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li se jkun qed jitwaqqaf kumitat ġdid biex jiddeċiedi jekk pazjent għandux jingħata aċċess għal mediċina partikolari f’każ li din ma tkunx fuq il-formularju tal-Gvern.
Fi stqarrija Fearne spjega li fil-preżent, persuni b’mard rari bi bżonn ta’ mediċini partikolari “m’għandhomx aċċess għalihom ħlief jekk tittieħed deċiżjoni mit-tabib ewlieni tal-Gvern (CMO)”. Huwa qal li se jkun qed jitwaqqaf il-Kumitat għal Trattament Eċċezzjonali Mediku (Exceptional Medical Treatment Committee). Spjega li dan il-kumitat se jara li pazjent b’mard rari jkun jista’ jkollu aċċess għall-mediċina li jeħtieġ.
Fearne qal ukoll li dan il-kumitat se jkun qed jevalwa talbiet għal mediċini li mhumiex fuq il-formularju tal-Gvern, kif ukoll aċċess għal mediċini branded f’każijiet eċċezzjonali. Ħabbar li dan il-kumitat se jkollu baġit ta’ €5.5 miljun fis-sena.
Il-Kumitat se jkun magħmul minn Ċerpersin, Uffiċjal Mediku Ewlieni  jew  rappreżentant  mid-Dipartiment għall-Politika tas-Saħħa, żewġ spiżjara, żewg kliniċisti, rappreżentant mit-Taqsima tal-Akkwisti u l-Provvisti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, u rappreżentant għall-pazjenti.