Read in English.
Punti prinċipali
- Mit-Tnejn jibdew jiftħu xi negozji
- Sal-aħħar tax-xahar jiftħu l-maġġoranza tal-istabbilimenti
- Jekk sa 3 ġimgħat oħra l-figuri jibqgħu tajbin, nirrevedu miżur oħra
- Mit-Tnejn se jibdew isiru aktar testijiet f’Mater Dei; il-kliniċi kollha se jibdew jagħtu t-tilqim lit-tfal
- “Iż-żmien tani raġun li ma ċedejtx għas-sejħa ta’ wħud għal-lockdown” – Abela
- Vjaġġar bejn Malta u Għawdex: Se jkun hemm numru limitat kemm jitilgħu nies fuq il-vapur
- Kull ħanut irid ikollu numru fejn jidher ta’ kemm jistgħu jidħlu klijenti fl-istess ħin
- Mhux se jkun permess użu ta’ changing rooms fi ħwienet tal-ħwejjeġ
- Użu ta’ maskri/visors fil-ħwienet: Kemm min ibigħ kif ukoll min jixtri
- Persuni meqjusa vulnerabbli ghandhom jibqghu joqogħdu d-dar
- 2 każi ġodda ta’ coronavirus: persuna minn Għawdex, oħra miċ-Ċentru ta’ Ħal Far
- Xogħol mid-dar qed jaħdem, għandu jibqa’ – Prof. Gauci
- 14,000 użaw l-app tal-coronavirus. Inti ppruvajtha?
- Se joħorġu linji gwida għall-istabbilmenti fost l-oħrajn dwar l-Acs
- Mit-Tnejn se jinfetaħ ir-reġistru tal-qrati
Il-PM Robert Abela qal li sal-aħħar ta’ Mejju se jinfetħu l-maġġoranza tal-istabbilimenti kummerċjali.
Abela ħabbar dan waqt konferena tal-aħbarijiet dalgħodu flimkien mal-Ministru Chris Fearne u mal-Prof. Charmaine Gauci. Qal li wħud minnhom se jibdew jiftħu mit-Tnejn li ġej.
Tħabbar ukoll li mit-Tnejn il-pubbliku se jintalab jilbes maskra jekk imur f’ċertu ħwienet jew juża t-trasport pubbliku.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,200 test għall-COVID-19. Instabu 2 każi pożittivi. Spjega li l-RO huwa taħt il-wieħed. Minkejja dan Fearne avża li “l-virus għadu magħna.”
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-pjan tal-Gvern li jixtri prefabricated hospital, Fearne qal li dan il-pjan għadu fis-seħħ. Spjega li minn Ottubru s-soltu tibda l-firxa tal-influwenza u qal li jekk is-sitwazzjoni tal-COVID-19 tkompli ttul, Malta tkun qed tiġġieled żewġ battalji fl-istess ħin.
Fearne qal li mit-Tnejn se jiftħu l-kliniċi madwar Malta u Għawdex għat-tilqim tat-tfal.
Ħabbar ukoll li se jerġa’ jibda l-iscreening għall-kanċer tal-għonq tal-utru, tas-sider, u tal-musrana l-kbira.
Fearne elenka għadd ta’ ħwienet li jistgħu jiftħu mit-Tnejn. Il-hairdressers mhumiex inklużi. Iċ-changing rooms mhux se jkunu jistgħu jintużaw.
Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li kien hemm 14,000 persuna li niżżlu l-app tal-mobile tas-sintomi tal-COVID-19.
Prof. Gauci qalet li s-sidien tal-ħwienet jistgħu jirrifjutaw nies li jidhru morda milli jidħlu fil-ħwienet.
Liema ħwienet jistgħu jiftħu mit-Tnejn?
- Banek tal-lottu
- Garaxxijiet tal-VRT
- Ħwienet tal-ħwejjeġ u ta’ ħwejjeġ sportivi
- Tal-ġojjellerija
- Tal-basktijiet u taż-żraben
- Tan-nuċċalijiet bla riċetta
- Tal-fwejjaħ u prodotti ta’ sbuħija
- Tal-ħjata
- Tad-dekorazzjoni tad-djar
- Tas-souvenirs
- Ħwienet tal-iskontijiet
- Ħwienet tal-passatempi
- Tal-għamara
- Tal-fjuri
Il-Prof. Gauci qalet li se jitħejja avviż legali li jitratta l-infurzar tar-regoli l-ġodda.
Liema huma l-każi l-ġodda?
Fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 2 każi ġodda ta’ COVID-19. Każ wieħed instab f’Għawdex u ieħor instab fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far.
F’Jum il-Ħaddiem, il-President faħħar il-bżulija tal-ħaddiema Maltin, li minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu, jibqgħu jipperseveraw. Huwa ma kienx l-uniku wieħed li wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema, peress li għadd ta’ għaqdiet irringrazzjaw lill-ħaddiema Maltin ta’ xogħolhom.