Filmat: Il-Ministru Fearne jħabbar miżuri għall-attivitajiet tal-massa

Il-Ministru għas-Saħħa jindirizza konferenza tal-aħbarijietAktar dettalji: https://bit.ly/314D9sC

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, July 30, 2020

Read in English.

B’effett minn għada d-direttivi tas-saħħa, se jidħlu fis-seħħ miżuri għall-attivitajiet tal-massa, f’dak li għandu x’jaqsam mad-distanza soċjali.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

F’reazzjoni għal dawn il-miżuri l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li dan xorta mhux biżżejjed.

Il-Ministru Fearne qal li l-attivitajiet tal-massa se jitħallew isiru biss jekk id-direttivi jiġu osservati. Spjega wkoll li ma jistax ikun hemm aktar minn persuna waħda fi spazju ta’ 4 metri kwadri u li gruppi ta’ aktar minn 10 persuni mhux se jkunu permessi. Barra minn hekk dawn l-10 persuni ma jistgħux jitħalltu ma’ persuni oħra.

Fearne spjega li r-responsabilità sabiex ikunu osservati dawn id-direttivi taqa’ fuq min qed jorganizza l-attività inkwistjoni.

Aktar minn 100 persuna? Bżonn risk assessment

Stabbilimenti li jkunu jifilħu aktar minn 100 persuna jridu jħejju risk assessment li trid tiġi mibgħuta lill-awtoritajiet tas-saħħa. Min jattendi dawn l-avvenimenti se jkun mitlub iħalli d-dettalji tiegħu biex f’każ li l-awtoritajiet ikollhom bżonn jikkuntattjaw lil dak li jkun, dan ikun jista’ jsir.

Intqal li l-linji gwida se jkunu infurzabbli skont il-liġi. Qal li se jsiru spezzjonijiet biex jassiguraw li l-organizzaturi jkunu qed isegwu l-miżuri.

Il-Ministru Fearne semma wkoll li mhux se jinħarġu permessi għall-marċijiet tal-festi. Dan sar bi qbil mal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li l-kundizzjoni medika tal-pazjenti tal-coronavirus ta’ bħalissa kienet waħda tajba. Hemm persuna li qed tinżamm fl-Isptar Mater Dei, erbgħa f’Boffa, u tnejn fl-Isptar San Tumas.

Każi fost l-immigranti issa parti miċ-ċifra uffiċjali

Dwar każi pożitivi fost l-immigranti, Fearne qal li dawn se jibdew jiġu inklużi fin-numru totali ta’ każi attivi f’Malta. Qal li dan sar wara konsultazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard.

Tajjeb, imma mhux tajjeb biżżejjed, u tard – MAM

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li l-Gvern ħa pass tajjeb b’dawn l-aħħar miżuri però qalet li dan sar tard wisq u xorta mhux biżżejjed. It-tobba qalu li se jkomplu għaddejjin bl-azzjoni industrijali.

Fi stqarrija f’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet il-MAM qalet li hija diżappuntata li attivitajiet b’attendenza ta’ eluf ta’ persuni xorta se jsiru.

Il-MAM qalet li hija infurmata li l-ispeċjalisti tas-saħħa pubblika ma ġewx ikkonsultati.

Il-MAM irringrazzjat lil Chris Fearne u lil Charmaine Gauci għall-isforzi tagħhom. Madanakollu, qalet li l-promoturi tal-parties ħadu li riedu mingħand il-politiċi.

It-tobba rringrazzjaw lill-Arċisqof għall-pożizzjoni li ħa dwar il-marċijiet. Qalu li dan kien is-sagrifiċċju tal-ħaruf filwaqt li attivitajiet kbar oħra tħallew isiru.

“Il-fatt li mhux se jiġu ppubblikati regolamenti u li ma tħabbrux multi, u li l-organizzaturi qed jiġu inkoraġġuti jirregolaw lilhom infushom mhux se jaħdem fil-prattika, u l-free-for-all li rajna fil-party tar-Radisson li jirrepeti lilu nnifsu,” qalet il-MAM.

It-tobba staqsew ukoll għalfejn ma tħabbritx emerġenza pubblika.