Inkompetenza u nuqqas ta’ rieda mill-Pulizija f’Malta – Delegazzjoni PE

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew Ana Gomes qalet li l-fatt li l-Pulizija ma nvestigatx lill-persuni li ssemmew fl-iskandlu tal-Panama Papers iżżid il-perċezzjoni li f'Malta tirrenja l-impunità. Wieħed mill-Ewroparlamentari, Sven Giegold, qal li raw inkompetenza u nuqqas ta' rieda mill-Pulizija f'Malta. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini tal-Parlament tal-Ewropew fil-Belt Valletta, Ana Gomes qalet li l-Avukat Ġenerali qed japplika interpretazzjoni restrittiva ħafna dwar il-poteri tiegħu biex jordna investigazzjoni. Qalet li huwa importanti li l-pubbliku jara li qed isiru investigazzjonijiet u li l-akkużati jitressqu l-Qorti.
Gomes qalet li l-fatt li nies bħaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li għadhom fil-poter minkejja li ssemmew f'rapporti tal-FIAU, ma tantx jgħin fil-perċezzjoni li f'Malta hemm rispett għal-liġi.
"Keith Schembri qara stqarrija u qal li ma jistax jirrispondi minħabba li hemm inkjesta"
Hi kkonfermat li għat-tieni darba, Keith Schembri rriffjuta li jiltaqa' ma' delegazzjoni li ntbagħtet Malta. Qalet però li kien preżenti waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn qara stqarrija li kienet ippreparata minn qabel u qal li ma setax jirrispondi ċertu domandi minħabba li hemm inkjesta maġisterjali għaddejja dwar il-każ li dwaru kien mitlub jikkummenta.
Madanakollu, il-Kap tad-Delegazzjoni qalet li qed tistenna li tirċievi tweġibiet għall-mistoqsijiet u qalet lill-Prim Ministru li s-silenzju ta' Schembri huwa inkwetanti. Gomes żiedet tgħid li Nexia BT għażlet li ma tibgħatx rappreżentat tagħha quddiem id-delegazzjoni.
Intant Newsbook.com.mt staqsa lil Gomez jekk Schembri hux se jkun mistieden biex jixhed fi Brussell iżda baqgħet tinsisti aktar minn darba li "Keith Schembri ma jridx jirrispondi."
L-Ewroparlamentari qalet biss li wara l-laqgħa ta' dalgħodu mhux qed tistenna li Schembri jwieġeb iżda tittama biss li s-sistema ġudizzjarja ta' Malta tkompli bl-investigazzjonijiet u tieħu passi dwar ir-rapporti tal-FIAU, li fi kliemha "jippuntaw is-swaba lejn Keith Schembri."

"Mhux imħassba biss dwar il-ħarsien tal-liġi, iżda dwar is-sigurtà tan-nies"
Gomes fetħet id-diskors tagħha b'referenza għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li ddeskrivieta bħala ġurnalista eċċellenti. Il-MPE stqarret li l-assassinju ferrex messaġġ ta' biża' fis-soċjetà. Qalet li tispera li ssir ġustizzja għal dak li ġara. Spjegat li mill-laqgħa li saret mal-Prim Imħallef, ir-rispett għal-liġi, jiġifieri s-saltna tad-dritt mhix xi kunċett astratt iżda ħaġa li taffettwa l-ħajja tan-nies.
Saħqet li l-kwistjoni mhix il-ħarsien tal-liġi imma s-sigurtà tan-nies.
Dwar dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia, qalet li kien hemm tassew il-ħtieġa li jibdew investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet li saru.
Wara domanda mill-ġurnalisti dwar ċertu organizzazzjonijiet tal-midja li d-delegazzjoni ltaqgħet magħhom, Gomes qalet li l-għażla finali ma saritx minnha. Qalet li meta jsiru allegazzjonijiet, mhux tajjeb li wieħed jibda jiddiskreditahom minħabba l-politika.
Gomes qalet li għall-kuntrarju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ma ħassitx li l-laqgħa li saret dalgħodu kienet ħela ta' ħin. Saħqet li tispera li jkun hemm prosekuzzjoni tan-nies involuti fil-kriminalità f'Malta.
Ana Gomes qalet li ż-żjara tad-delegazzjoni ma saritx minflok investigazzjoni mill-Pulizija, investigazzjoni li fi kliemha għandha ssir.
Il-MPEs preżenti jinkludu lil David Casa, Maria Grapini, Monica Macovei, Ivan Jakovčića, Takis Hadjigeorgiou, u  Sven Giegold.
Huma kienu hawn Malta biex jiġbru informazzjoni dwar ir-rispett għal-liġi u s-sistemi kontra l-ħasil tal-flus.