Coronavirus: “Qed naħsbu għal iktar sodod, għall-agħar li jista’ jinqala'”

Aġġornat 11:06 AM

Read in English.

F’Malta bħalissa għad m’hawn l-ebda każ tal-coronavirus. Dan ikkonfermatu l-Professur Charmaine Gauci, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika. Qalet ukoll li qed jaħsbu għal aktar sodod biex ikollhom biżżejjed fl-agħar sitwazzjoni li tista’ taħkem lill-pajjiż.

X’intqal waqt il-konferenza tal-aħbarijiet?

  • Diffiċli li jkollok flissjoni biss u tkun pożittiv għall-coronavirus.
  • Qed taħkem l-aktar lill-adulti, ma tantx hemm każi ta’ tfal.
  • Hemm diversi kumitati ppreparati għall-eventwalità li l-coronavirus jidħol f’Malta.
  • Bħalissa f’Malta m’hawn l-ebda każ: qed issir sorveljanza f’diversi fronti.
  • Parir: Illimita l-ivvjaġġar fl-20 pajjiż fejn hu riskjuż li tlaqqat il-coronavirus.
  • Għaddejjin kontinwament bit-taħriġ tal-professjonisti fil-livelli kollha: fil-kurja primarja, Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u uffiċjali tas-Saħħa Pubblika. It-taħriġ qed isir fuq bażi individwali (one-to-one).
  • Ittieħdu 56 swab, kollha rriżultaw fin-negattiv.
  • Il-Gvern qed jaħseb għax-xiri ta’ sodod – għall-agħar li jista’ jinqala’. Hemm ukoll ftehim mal-Unjoni Ewropea biex il-prezzijiet ikunu ahjar.
  • Il-pjan ta’ pandemija tal-H1N1 ġie addattat għall-coronavirus.
  • Preparamenti mill-Gvern biex ikun hemm kontinwament fis-servizzi essenzjali f’każ ta’ firxa ta’ din il-marda.
  • Hemm ukoll pjanijiet f’każ li l-coronavirus jinfirex u jkun hemm ħafna każi f’Malta.
  • Kwarantina fid-dar (self-quarantine): Appell biex jekk tkun taf li hemm nies li suppost qegħdin kwarantina d-dar, tinforma lid-Direttorat biex minn naħa tagħhom ikellmuhom u jispjegawlhom l-importanza li joqogħdu d-dar.
  • Turisti li jiġu Malta minn pajjiżi riskjużi: Deċiżjoni tal-persuna nnifisha jekk tagħtix każ l-avviżi li anke kienu fil-ġurnali ewlenin fl-Italja.
  • L-aħħar rapport ta’ testijiet li ħareġ fl-4pm kollha rriżultaw fin-negattiv.
  • Meta jiġu negattivi għal COVID-19 xorta jsiru iktar testijiet għal infezzjonijiet respiratorji oħra u jibagħtu r-riżultat lit-tabib tal-individwu.
  • Il-coronavirus jgħix fil-kesħa.

Qed issir it-tielet konferenza tal-aħbarijiet dwar il-coronavirus. Il-midja ġiet mitluba tattend għal laqgħa oħra li mistennija tibda fl-4.30pm u li se tkun indirizzata mill-Professur Charmaine Gauci, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika.

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar li dawk il-persuni li qed ibatu minn infezzjoni respiratorja u li siefru lejn lista ta’ 20 pajjiż fl-aħħar 14-il jum għandhom iċemplu tabib minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li ttestjar għal COVID-19 se jsir fuq pazjenti li qegħdin isoffru minn infezzjoni respiratorja bis-sogħla, deni, jew qtugħ ta’ nifs u li kienu f’wieħed mill-pajjiżi fejn hemm trażmissjoni lokali tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum.

Fost l-affarijiet li ħarġu waqt l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet dwar is-suġġett kien ħareġ li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kemm hemm nies fi kwarantina f’darhom, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.