Filmat: Multa ta’ €1,000 għal kull min jikser il-kwarantina mandatorja – PM

Aġġornat 08:45 PM
Nicole Borg

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja. Fost l-oħrajn tħabbret multa ta’ €1,000 għal kull min jikser il-kwarantina mandatorja. Il-Prim Ministru kellu jkollu laqgħa mal-Kamra tal-Periti, imma din tħassret.

X’kienu l-punti ewlenin tal-konferenza tal-aħbarijiet?

  • Jitwaqqfu t-titjiriet kollha lejn l-Iżvizzera, il-Ġermanja, Franza u Spanja minn 12am ‘il quddiem. Vjaġġar bil-mediċina, merkanzija u ikel biss se jkun permissibbli.
  • Kull min wasal lura Malta minn dawn l-erba’ pajjiżi, issa se jkollu jagħmlu kwarantina mandatorja. Dan se jibda japplika mil-lum.
  • Il-kwarantina għal dawk li kienu l-Italja, iċ-Ċina u l-pajjiżi l-oħra f’riskju għoli huma obbligati li jibqgħu kwarantina sa 14-il jum minn meta waslu Malta
  • Min jinqabad jikser il-kwarantina mandatorja se jeħel multa ta’ €1,000 għal kull jum.
  • Se jitnieda helpline ġdid għal dawk taħt kwarantina madatorja li jkollhom bżonn ikel u mediċini.
  • Il-kwarantina mandatorja trid issir fid-dar tal-individwu. Se jsiru spot-checks
  • Fil-każ tat-turisti l-kwarantina trid isir fil-kamra tal-lukanda li fiha qegħdin jgħixu t-turisti inkwistjoni.
  • Appella lill-anzjani sabiex ma joħorġux mid-dar.

Abela qal li f’dawn l-aħħar sigħat jidher ċar li r-rata tat-trażmissjoni f’erba’ pajjiżi oħra: Żvizzera, Ġermanja, Franza u Spanja żdiedet drastikament. Qal li l-ivjaġġar bl-ajru u bil-baħar se jitwaqqaf minn dawn l-erba’ pajjiż. Mediċina, merkanzija u ikel se jibqa’ permissibbli.

Il-Prim Ministru qal li dawk kollha li se jkunu qed jidħlu minn dawn il-pajjiżi fl-aħħar jiem huma obbligati jagħmlu kwarantina mandatorja. Qal li min ma jagħmilx din il-kwarantina se jeħel multa. Il-multa, li se tiġi introdotta llum hija ta’ €1,000 għal kull jum li wieħed ifalli milli joqgħod fi kwarantina.

Dalgħodu diġà saret konferenza fuq l-aħħar aġġornamenti dwar il-coronavirus, indirizzata mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. Waqt il-konferenza tħabbar is-sitt każ tal-coronavirus f’Malta.

Il-Prim Ministru qal li jifhem li l-kwarantina toħloq problemi għal min irid jagħmilha. Intant qal li se jitnieda servizz li se jkun aċċessibbli permezz ta’ helpline ġdid li se jkun qed joffri prodotti ta’ ikel u mediċinali għal dawk taħt kwarantina mandatorja.

Dawk kollha li se jkunu maqbudin f’dan il-pajjiżi se jinġiebu lura lejn Malta permezz ta’ vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni.

Appella mill-ġdid sabiex min m’għandux għalfejn isiefer ma jsifirx. Appella wkoll sabiex -anzjani jibqgħu fid-djar tagħhom.

Il-Prim Ministru qal li jista’ jkun siegħa u sagħtejn oħra joħorġu miżuri differenti. Qal li dan sabiex jiġi assigurat is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pjan qed jimxi mal-iżviluppi li qed isiru fil-pajjiż. Qal li issa qed jittieħdu każi skont il-fażi li l-mikrobu qed jiġi impurtat lejn il-pajjiż. Qal li llum qed jitħabbru dawn il-miżuri biex jitnaqqas ir-riskju tal-każi importati.

Qal li jekk ikun hemm trażmissjoni minn persuna għal persuna fil-pajjiż se jkun hemm bżonn li l-pajjiż jieħu miżuri aktar drastiċi biex jaffaċċja dik is-sitwazzjoni. Qal li għalissa dan għadu mhux qed iseħħ.

Il-Prim Ministru qal li l-kwarantina mandatorja se ssir fid-dar tal-individwu u se tolqot lil dawk kollha li jgħixu f’dik id-dar.

Mistoqsija dwar il-linja 111, Fearne qal li kulħadd qed jiġi moqdi u t-telefonati mhux qed jiġu rrifjutat. Qal li t-telefonati li ma jkollhomx bżonn ta’ tabib jingħataw risposta mill-ewwel filwaqt li dawk li għandhom bżonn risposta ta’ tabib jiġu mgħoddija lejn tabib.