Il-Europol tippreżenta 4 Terabytes ta’ data ta’ Yorgen Fenech

Read in English.

Tliet uffiċjali tal-Europol illum wara nofsinhar xehdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Xi spikka mix-xhieda tal-lum?

  • Tliet esperti tal-Europol jippreżentaw ir-rapporti individwali dwar it-tagħmir li analizzaw individwalment.
  • L-oġġetti li kkonfiskaw tpoġġew ġo kamra fl-uffiċini tas-Servizzi Sigrieti Maltin. Ċwievet għal din il-kamra kellhom huma biss.
  • It-tagħmir elettroniku ġie kkonfiskat minn postijiet differenti: Minn fuq il-jott Gio, mill-uffiċċju taċ-chairman ta’ Tumas Group, mill-uffiċċju tas-segretarja, mir-residenza ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso.
  • Fost l-oġġetti kien hemm wifi camera moħbija f’air freshener. Ma kellhiex memory card.
  • Il-Qorti ġiet preżentata b’żewġ hard drives identiċi li fihom kien hemm id-data kollha elevata. Lejn tmiem is-seduta ġiet ippreżentata t-tielet kopja fuq insistenza tad-Difiża.
  • B’kollox elevaw 4 Terabytes ta’ data mit-tagħmir elettroniku ta’ Yorgen Fenech.
  • Damu Malta sa tlett ijiem. Ħadu magħhom id-data biex tiġi analizzata.
Esperti tal-Europol wara x-xhieda fil-Kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech

Mill-Qorti minuta b’minuta:

17:50 Grazzi talli segwejtuna. Il-lejla t-tajba!
Charmaine Attard
17:49 Daqshekk għal-lum. Is-seduta li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa 2 ta' Diċembru fl-10am.
Charmaine Attard
17:46 Il-Qorti tgħid li se tipprojbixxi lil partijiet milli jippubblikaw l-informazzjoni fil-hard drive, minbarra dik l-informazzjoni li se toħroġ fil-Qorti.

Qed tipprojbixxi wkoll lill-partijiet milli jagħtu l-informazzjoni lil terzi persuni, sakemm mhux mitlub minn investigazzjoni kriminali.
Charmaine Attard
17:40 L-esperti tal-Europol intalbu jistennew barra.

Dr Mercieca jgħid li fid-dawl tal-fatt li d-data jista' jkollha data li mhix relevanti għall-akkużi u data dwar il-ħajja privata ta' Fenech, talab biex din ma titħallhiex tiġi ppubblikata.

"Bla dubju ta' xejn", tgħid il-Maġistrat, li kienet se tordna projbizzjoni tal-pubblikazzjoni xorta waħda.
Charmaine Attard
17:37 Petrou jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhieda. Hu se jixhed f'isem it-tliet esperti.

Jippreżenta t-tielet kopja li tinsab maqsuma fuq żewġ hard drives, imma hi identika għall-hard drives l-oħra.
Charmaine Attard
17:35 Maġistrat Montebello: Ma naħsibx li għandkom oġġezzjoni li d-Difiża tieħu l-kopja tagħha meta jkunu lesti l-bqija hux hekk?

Mercieca: Ma nifhimx għala rridu neħduha fl-istess ħin.

Maġistrat Montebello: It-talba tagħkom kienet speċifika ħafna. Issa kulħadd se jirċeviha fl-istess ħin.
Charmaine Attard
17:31 Il-Qorti taħtar lil Alvin Cardona biex jagħmel tliet kopji tal-informazzjoni li hemm fuq il-hard drive. Il-kopji tal-hard drive XYZ1 jingħataw lill-partijiet.

It-tieni kopja tal-hard drive li ġiet ippreżentata llum mhux se tintmess.

Il-kopji jaf ma jkunux lesti sas-seduta ta' nhar l-Erbgħa.
Charmaine Attard
17:30 L-esperti jissejħu lura fl-awla.
Charmaine Attard
17:29 Il-Qorti tordna lill-esperti tal-Europol biex fit-2 ta' Diċembru jippreżentaw it-tielet hard drive lid-Difiża. Din il-hard drive kellha tiġi ppreżentata quddiem maġistrat inkwerenti.

Intant issir kopja oħra u tiġi ppreżentata 'l quddiem.
Charmaine Attard
17:24 "Mhux l-intenzjoni tad-difiża li jitwal il-proċess", Dr Mercieca qal lill-Qorti. Żied jgħid li l-proċess biex tiġi kkuppjata d-data tista' tirriżulta fi żbalji.

Il-Maġistrat tgħid lid-Difiża li ċerta li japprezzaw li l-proċess li qed jispjegaw huma jieħu ħafna ħin.
Charmaine Attard
17:23 Id-Deputat AĠ jirrimarka li t-talba tad-Difiża tfisser spejjeż u ħin.
Charmaine Attard
17:21 Il-Prosekuzzjoni titlob li jinħatar respert biex jagħmel il-kopji.

Id-Difiża oġġezzjonat u talbet li l-informazzjoni li tasal għandha trid tkun elevata direttament mill-Europol, mill-istess network li użaw biex għamlu l-kopji l-oħra.

Dr Azzopardi jgħid li għall-parte civile ma tagħmilx differenza jekk issirx mill-Europol jew espert lokali.

Il-Qorti tirrifjuta t-talba tad-Difiża "għax dan ifissser li l-partijiet mhux se jkunu qed jingħataw kopja tad-data fi żmien qasir".
Charmaine Attard
17:18 Petrou jgħid li għandhom kopja oħra li se tiġi ppreżentata f'kawża oħra.

Torres jistqarr li m'għandhomx l-apparat adattat biex jirreplikaw il-hard drive.

Dr Azzopardi jirrimarka li kopja tal-hard drive m'hemmx għalfejn issir mill-Europol, imma jista' jinħatar espert Malti.
Charmaine Attard
17:14 Id-Deputat AĠ jispjega li l-espert tal-Qorti jrid iwieġeb lill-Qorti.

L-esperti tal-Europol jerġgħu jissejħu fl-awla.

Il-Maġistrat Montebello tgħid lit-tliet xhieda li l-Qorti qed titlob tliet kopji oħra tal-informazzjoni li ssottomettew illum.

Petrou jgħid li fihom kważi 4 Terrabytes ta' data f'files żgħar u li mhux ċert jekk dan jitlestiex sa nhar l-Erbgħa.
Charmaine Attard
17:11 Dr Camilleri tiċċara li d-difiża ma tridx li jiddaħħal fin-nofs espert ieħor.

Arnaud jissuġġerixxi li l-Qorti tordna hard drives ġodda u li l-esperti tal-Europol jagħmlu kopja waqt li qegħdin Malta.

Dr Camilleri tgħid li "anke jekk jikkuppjawha minn dawn il-hard drives, l-importanti li dawn isiru mill-Europol".
Charmaine Attard
17:09 Id-Deputat AĠ jargumenta li l-kopji fihom id-data li ġiet elevata. Stqarr li l-Qorti tista' tqassam il-kopji.

Dr Camilleri tgħid li huma jridu li tiġi elevata d-data. Il-Prosekuzzjoni twieġeb li dan diġà sar.

Dr Azzopardi jistaqsi: "Għaliex id-difiża qed tipprova tirbaħ il-ħin?"
Charmaine Attard
17:09 Dan ifisser li l-esperti tal-Europol ikollhom jerġgħu jiġu lura bil-kopji.
Charmaine Attard
17:07 Dr Mercieca jgħid li l-kopji m'għandhomx ikunu kopja tal-kopja.

Arnaud jgħid li mhumiex kopja ta' kopja.

Dr Mercieca qed jitlob biex il-kopja ssir minn fuq in-network storage fuq hard drive li tingħata lill-partijiet.
Charmaine Attard
17:06 Dr Mercieca jibda jistaqsi dwar x'inhi l-proċedura biex issir kopja tal-hard drive. Il-Maġistrat twaqqfu: "Int x'qed tiekol?Manjieri ħżiena ħafna". Dr Mercieca jitbissem.
Charmaine Attard
17:05 Arnaud jitlob lill-Qorti biex taħtar espert biex jagħmel kopji tad-drives għall-partijiet konċernati.
Charmaine Attard
17:04 Dr Mercieca jgħid li jixtiequ jkomplu għaddejjin bil-kontro-eżami nhar l-Erbgħa.

Il-kontro-eżami issa sospiż. Ix-xhud jinżel minn fuq il-pedana tax-xhieda.
Charmaine Attard
17:03 Petrou spjega li l-esperti jużaw Tableau write-blockers. Jidħol fit-teknikalità tal-proċess: "A byte-to-byte copy was made".

Petrou jikkonferma li użaw l-FTK Imager. Dan huwa wieħed mis-software standard li ntuża.
Charmaine Attard
17:00 Petrou diġà xehed f'każi oħra dwar id-data li elevaw.

Mercieca: Mistoqsija tal-aħħar… Intom elevajtu d-data kollha li kien hemm fuq l-apparat?

Petrou: Konna nużaw għodda forensika. Din għandha l-limitazzjonijiet tagħha. Parti mid-data ma setgħetx tiġi elevata. Imma din kienet data teknika.
Charmaine Attard
16:59 Il-Maġistrat Montebello tirrimarka li dan huwa kontro-eżami u mhux eżami tax-xhud, u li l-mistoqsijiet għandhom ikunu dwar l-elevazzjoni tad-data minn fuq l-apparat.

Id-Deputat AĠ Galea Farrugia joġġezzjona.
Charmaine Attard
16:58 Mercieca: Liema ħadu sehem fl-investigazzjoni?

Petrou: Id-dokumentazzjoni tinkludi din l-informazzjoni. Jien ma kontx qed immexxi l-każ.
Charmaine Attard
16:56 Mercieca: Int, Giuseppe u Israel għall-apparat li ġie kkonfiskat mill-2017?

Petrou: Kien hemm kollegi oħra involuti.

Mercieca: Min huma dawn in-nies?

Petrou: Jien, Daniel, Israel, Giuseppe, Margerita, Alex (wieħed ġdid), James, Sami…
Charmaine Attard
16:55 Il-Europol għandu tim li jeleva d-data u tim li janalizzaha.

L-avukat jistaqsi lix-xhud jekk hu kienx it-team leader. Petrou jgħidlu li hu eleva xi data, filwaqt li sħabu elevaw data oħra.
Charmaine Attard
16:54 Petrou jgħid li hu ltaqa' magħhom meta kien Malta u probabbli jkun iltaqa' magħhom il-Europol ukoll. Joffri li jiċċekkja l-email tiegħu biex jikkonferma l-ismijiet ta' dawn in-nies.

Petrou jispjega li hu kien fuq il-każ u li xehed f'diversi każi oħra marbuta mal-assassinju.
Charmaine Attard
16:51 Petrou jispjega li xogħolhom kien li jelevaw id-data, waqt li l-esperti tal-Europol mill-AP Weapons and Explosive team janalizzawha.

Mercieca: Tiftakar kemm kienu?

Petrou: Għat-tim tagħna: Jien, Giuseppe, Israel u Sami. Ma niftakarx l-oħrajn. Imma kien hemm iktar minn wieħed.

Petrou żied jgħid li tal-AP Weapons and Explosives kienu qed jaħdmu f'kamra oħra.
Charmaine Attard
16:49 Petrou: "Sami tani 4 boroż tal-evidenza li jinsabu mniżżla fir-rapport. Ma tanix iktar".

Mercieca: Konxju li hawn iktar membri tal-Europol jaħdmu f'Malta?

Petrou: Kien hemm membri tat-team tal-AP Weapons and Explosive.

Mercieca: Taf min huma?

Petrou: Ma niftakarx l-isem sħiħ. Naf l-ewwel isem biss.
Charmaine Attard
16:47 Mercieca: L-investigazzjoni tagħkom ħadet ftit żmien. X'apparat ieħor għaddielhek Sami?

Petrou jitolbu jiċċekkja l-lista li ġiet ippreżentata aktar kmieni.
Charmaine Attard
16:47 Żied jgħid li "l-Pulizija Maltija taw l-oġġetti lil Sami u mbagħad għaddihom lili".
Charmaine Attard
16:45 Mercieca jistaqsi dwar Gerth Duwee.

"Fil-laboratorju forensiku m'għandna lil ħadd jismu Gerth. Jista' jkun xi ħadd mill-AP Weapons and Explosives. Naf li jeżisti xi ħadd Gerth, imma ma nafx kunjomu", wieġeb Petrou.
Charmaine Attard
16:44 Petrou jgħid li hu ngħaqad mal-Europol fl-2015. Jagħmel xogħol forensiku għal Europol jew għall-Istati Membri.

It-team leader ta' Petrou ma kienx f'Malta.

Petrou jgħid li mhux jifhem x'qed jitlob Mercieca. Jgħid li hu kien jaħdem ma' Israel u Giuseppe. Il-każ imsemmi Blue Elephant.
Charmaine Attard
16:42 Mercieca: Bgħatt kopji lil xi ħaddieħor qabel is-seduta tal-lum?

Petrou: Iwa, lill-AP Weapons & Explosives.

Petrou jgħid li kopja fiżika saret biss għall-Qorti.

Hemm kopja oħra l-Europol.
Charmaine Attard
16:40 Mercieca: Min talab żewġ kopji tar-rapport?

Petrou: Intlabna mill-Pulizija Maltija. "Mr Keith".

Mercieca: Din kienet l-unika darba li s-Sur Arnaud ikkuntattjakom dwar l-investigazzjoni?

Petrou: Ilna naħdmu dwar il-każ ħafna snin. Le.

Petrou jħares lejn Arnaud.
Charmaine Attard
16:39 Torres u Totaro jintalbu jistennew barra. Mercieca jagħmel il-kontro-eżami lil Petrou waħdu.
Charmaine Attard
16:38 Petrou jgħid li d-data kollha li jiġbru tkun miżmuma f'network storage u li kien minn hemmhekk li kkuppjaw id-data fuq il-hard drive.
Charmaine Attard
16:36 16:36 Dr Mercieca se jkun qed jagħmel il-kontro-eżami tat-tliet esperti. L-avukat jistaqsi jekk l-informazzjoni li xehdu dwarha individwalment hix inkluża fil-hard drivers. Petrou jgħid li d-data ġiet ikkuppjata fuq il-hard drives.
Charmaine Attard
16:35 It-tliet esperti tal-Europol jerġgħu jiddaħħlu fl-awla.
Charmaine Attard
16:27 L-akkużat jiddaħħal lura fl-awla.
Charmaine Attard
16:14 Se nieqfu għal 10 minuti.
Charmaine Attard
16:10 Torres jippreżenta d-dokumenti lill-Qorti u jinżel mill-pedana tax-xhieda. Il-Qorti titolbu jistenna barra.
Charmaine Attard
16:06 Mercieca jitlob għal iktar ħin qabel jagħmel il-kontro-eżami lix-xhieda, "għax id-difiża rċeviet ir-rapporti llum".
Charmaine Attard
16:04 L-espert jgħid li "nano SIM card hija intenzjonata biex tipprovdi servizz ta' telefonija u data".
Charmaine Attard
16:03 Dr Mercieca joġġezzjoni għall-mistoqsijiet tal-parte civili. Jgħid li l-espert għandu jwieġeb biss mistoqsijiet marbuta mar-responsabbiltajiet tiegħu.

Dr Azzopardi jgħid li mhux qed jistaqsi dwar "il-baħħ".

Il-Maġistrat Montebello tgħid li jista' jipproċedi bil-mistoqsijiet.
Charmaine Attard
16:01 Mistoqsi dwar nano-SIM card imniżżla fir-rapport, Torres qal li din hi SIM card tal-ISP għas-servizz tal-mowbajl.
Charmaine Attard
16:00 Dr Azzopardi jistaqsi dwar l-oġġetti mniżżla f'paġna 4 tar-rapport, li ġew ikkonfiskati mill-cabin cruiser Gio. Jistaqsi dwar is-SIM cards ta' Monaco Telecom.
Charmaine Attard
15:57 Jgħid li l-apparat kollu li ħadem fuqu ġie ppreżentat lill-Qorti fit-22 ta' Novembru 2019.
Charmaine Attard
15:55 It-tieni rapport jittratta wkoll l-oġġetti li ġew ikkonfiskati mir-residenza ta' Fenech. Id-data ġiet elevata biss minn apparat wieħed: Wi-Fi camera.

Din il-kamera ma żżommx informazzjoni, imma għandha post fejn tiddaħħal micro SD card. Ma kienx hemm SD card.
Charmaine Attard
15:51 Torres jispjega li l-oġġetti kollha msemmija fit-tieni rapport huma SIM cards jew SIM card bags.
Charmaine Attard
15:48 Is-17-il DVD ikkonfiskati mill-Pulizija kienu vojta. Minn fuq il-cabin cruiser Gio ġew ikkonfiskati 21 oġġett.
Charmaine Attard
15:47 L-ismart phone kien iPhone. Ma kellu l-ebda informazzjoni personali. Ma ttieħed xejn minn dan l-iPhone.
Charmaine Attard
15:46 Torres idur ir-rapport. Fenech qed jitkellem ma' Mercieca u Caruana Curran.
Charmaine Attard
15:44 Torres analizza:
*kompjuter
*3 USB devices
*1 smartphone
*Envelope bi 17-il DVD
*1 BT device biex tqabbad il-keyboard jew il-mouse. Dan ġie deskritt mill-investigatur bħala USB.
Charmaine Attard
15:43 Huma użaw diversi għodda biex joħorġu d-data mill-apparat. L-oġġetti ngħataw lil wieħed mill-kollegi tiegħu mill-Pulizija Maltija.
Charmaine Attard
15:42 Hu kien Malta sat-23 ta' Novembru. Huma kienu ngħataw kamra fil-faċilità tas-Servizzi Sigrieti ta' Malta, u huma biss kellhom aċċess għal din il-kamra.
Charmaine Attard
15:38 Jitla' fuq il-pedana tax-xhieda l-espert l-ieħor, Torres. Hu nħatar espert tal-Qorti f'dan il-każ fl-2019. Xogħlu kien li jgħin lill-awtoritajiet Maltin biex joħorġu d-data mit-tagħmir ta' Fenech. Torres ilu jaħdem fil-laboratorju forensiku tal-Europol mill-2017.
Charmaine Attard
15:37 Fenech jiddaħħal lura fl-awla.
Charmaine Attard
15:34 Dr Mercieca jiforma lill-Qorti li Fenech għandu bżonn ikun skużat.
Charmaine Attard
15:29 Dr Azzopardi jibda jistaqsi dwar ir-rapport XYZ dwar it-tagħmir li nstab fir-residenza.

"Fost it-tagħmir kien hemm tablet, hard drive u mowbajls… Wi-Fi Air Freshener Camera. Din spy camera?"

L-espert jgħid li "din hija kamera li taħdem bil-Wi-Fi li dakinhar tal-eżaminazzjoni ma kellhiex memory card".
Charmaine Attard
15:28 Id-data mis-sim cards inħarġet separatament. Totaro jispjega li d-data mbagħad ġiet analizzata.
Charmaine Attard
15:26 Is-sim cards dejjem kienu barra l-iPhones. It-tagħmir elettroniku nżamm mill-Europol. Imbagħad hu ħareġ id-data mill-mowbajls. L-iPhones se jiġu rritornati lill-Qorti f'boroż issiġillati.
Charmaine Attard
15:21 Arnaud jistaqsi fejn huma dawn is-seba' oġġetti. Totaro jgħid li għad għandu 2 iPhones u 2 sim cards.
Charmaine Attard
15:18 Arnaud jistaqsi għad-dokumenti li jindikaw li l-oġġetti waslu għandhom.
Charmaine Attard
15:16 Sorsi qalu li wieħed mill-oġġetti msemmi f'dan ir-rapport huwa Wi-Fi air freshener camera (kamera moħbija f'air freshener).
Charmaine Attard
15:15 Totaro jibda jdur il-kontenut tar-rapport. Ix-xhud jgħid li rċieva ħames evidence bags.
Charmaine Attard
15:14 Dan ir-rapport jirreferi għal dak li nġabar mir-residenza ta' Fenech f'Portomaso. Ir-rapport fih 17-il paġna.
Charmaine Attard
15:13 Ix-xhud se jixhed fuq it-tieni rapport
Charmaine Attard
15:12 Dak li ġabru minn dan it-tagħmir jista' jinsab fil-folder 'extractions' fil-hard disks li ġew ippreżentati aktar kmieni.
Charmaine Attard
15:09 Totaro jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet f'paġna 8.
Charmaine Attard
15:07 Arnaud jistaqsi għan-numru tal-IMEI taż-żewġ iPhones.
Charmaine Attard
15:06 Minn Gio ġew ikkonfiskati 7 oġġetti. Ir-rapport jagħti d-dettalji ta' x'għamlu l-esperti biex ħarġu l-informazzjoni minn kull oġġett.
Charmaine Attard
15:05 Totaro jgħid lill-Qorti li dan it-tagħmir ġie analizzat mis-Servizzi Sigrieti Maltin fil-Belt Valletta.

Fenech jiġġebbed biex ikellem lil Dr Mercieca li qiegħed bilqiegħda quddiemu.
Charmaine Attard
15:03 Totaro jibda jdur ir-rapport paġna paġna. Ir-rapport hu mqassam hekk: il-werrej, l-isfond tal-każ, dettalji dwar l-evidence bags, eċċ.
Charmaine Attard
15:03 Hemm 4 oġġetti – 2 iPhones u 2 sim cards.
Charmaine Attard
15:02 Totaro rċieva t-tagħmir elettroniku mill-kollega tiegħu tal-Europol. Totaro wasal Malta fl-20 ta' Novembru 2019 u rċieva l-oġġetti l-għada. L-uffiċjal ieħor tal-Europol kien fuq is-sit meta nġabar it-tagħmir.
Charmaine Attard
15:01 Wieħed mir-rapporti għandu 10 paġni. L-oġġetti ttieħdu mill-cabin cruiser Gio.
Charmaine Attard
14:56 Petrou jinżel minn fuq il-pedana tax-xhieda. Jitla' Giuseppe Totaro. Totaro huwa Specialist Forensic Examiner fil-laboratorju diġitali forensiku tal-Europol. Ix-xhud għandu żewġ rapporti.
Charmaine Attard
14:54 Il-Maġistrat Montebello: Se tagħmlu kontro-eżami lix-xhud?

L-Avukat Mercieca: Id-difiża l-ewwel trid tagħmel il-kontro-eżami tat-tliet esperti flimkien u tagħmel il-kontro-eżami ta' Petrou waħdu aktar tard.
Charmaine Attard
14:53 Dr Mercieca jqum bilwieqfa. Jgħid li d-difiża tixtieq li l-ewwel issir il-kontro-eżami ta' kull espert b'mod individwali, imbagħad isir kontro-eżami tagħhom flimkien. Ipoġġi bilqiegħda.
Charmaine Attard
14:51 Dr Azzopardi jistaqsi dwar paġna 5 tar-rapport u min taha l-isem. Petrou jgħid li t-terminoloġija tingħata mill-esperti fil-laboratorju.
Charmaine Attard
14:50 Fost l-oġġetti kien hemm SSD drive. Hemm ukoll micro SD card u chrome cast, li ġeneralment jitqabbad ma' skrin biex tkun tista' tara YouTube, Netflix, eċċ.
Charmaine Attard
14:49 Dr Azzopardi: Pereżempju hemm laptop wieħed. Tista' tgħidilna fil-qosor x'sibtu fih? Xi ħriġtu minnu?

Petrou: Xogħli huwa li noħroġ id-data. M'iniex se ndur id-data.
Charmaine Attard
14:48 Dr Azzopardi: Nistgħu nduru l-lista?

Petrou: Xi 580GB ta' data.
Charmaine Attard
14:47 Dr Azzopardi: Fl-ewwel paġna hemm: "Operation Blue Elephant". Minn fejn ġie dan l-isem?

Espert tal-Europol: Hemm ħafna affarijiet għaddejin fil-Europol. L-isem intgħażel mill-grupp tal-armi u l-isplussivi, biex ikun isem komuni għalina.
Charmaine Attard
14:47 Dr Azzopardi jibda jistaqsi.
Charmaine Attard
14:46 Petrou ngħaqad mal-Europol fl-2014 u llum il-ġurnata huwa Senior Specialist Forensic Examiner.
Charmaine Attard
14:43 It-tagħmir elettroniku tħalla Malta. Il-kopji diġitali ġew analizzati barra, kompla jispjega Petrou.
Charmaine Attard
14:42 L-esperti tal-Europol ħadmu mill-uffiċini tal-Pulizija. Kellhom kamra allokata għalihom u huma biss kellhom ċavetta għall-kamra, Petrou jwieġeb lil Arnaud.
Charmaine Attard
14:41 Petrou wasal Malta fl-20 ta' Novembru 2019 u telaq fit-23 ta' Novembru 2019.
Charmaine Attard
14:40 Petrou jikkonferma l-firma tiegħu fuq ir-rapport.
Charmaine Attard
14:39 Il-filmati li ttieħdu mid-DVR jistgħu jarawhom bil-VLC.
Charmaine Attard
14:37 F'paġna 7 hemm xi rakkomandazzjonijiet. Immaġni forensiċi ġew inklużi fir-rapport ukoll. Yorgen Fenech kien qed jagħtih daqqa t'għajn.
Charmaine Attard
14:35 Dawn l-immaġni jistgħu jiġu aċċessati permezz ta' software b'xejn – FTK imager. Kien hemm ukoll DVR (filmat) fl-immaġni.
Charmaine Attard
14:33 Sezzjoni 6 tar-rapport titratta dak li sab Petrou. Jispjega li dan ma ntużax ħafna drabi għax jista' jwassal għal ħsara. Allura kkuppjaw id-data. Biex joħorġu d-data użaw AXIOM, fost software oħra.
Charmaine Attard
14:33 It-tagħmir ikkonfiskat jinkludi laptop. Petrou jispjega kif ħadmu.
Charmaine Attard
14:32 Issa ż-żewġ bibien fuq in-naħa ta' wara tal-awla jinsabu magħluqa.
Charmaine Attard
14:31 Ix-xhud jispjega l-metodoloġija li ntużat biex jaċċessaw id-data. Ir-rapport jelenka meta d-data ġiet aċċessata u d-dettalji dwar xi nstab fil-hard drive.
Charmaine Attard
14:30 Il-Qorti issa qed tirranġa l-karti.
Charmaine Attard
14:29 Il-bieb tal-gallarija miftuħ u jinstemgħu xi konverżazzjonijiet. Kulħadd iħares 'il fuq hekk kif il-gwardjan joħroġ mill-awla biex jagħlqu.
Charmaine Attard
14:28 Petrou għandu f'idejh dokument bil-Malti.
Charmaine Attard
14:25 Petrou jippreżenta wkoll il-formuli li ppreżentawlu mal-oġġetti. Arnaud jistaqsi jekk l-ewwel dokument jurix li l-oġġetti waslu għandu. Petrou jikkonferma.
Charmaine Attard
14:23 Petrou jgħid li hu eżamina l-oġġetti li ġew ikkonfiskati fil-21 ta' Novembru 2019. It-tagħmir kollu nġabar minn Portomaso – mill-uffiċċju taċ-chairman u mill-uffiċċju tas-segretarja. Hu rċieva erba' oġġetti li ngħatawlu meta wasal Malta.
Charmaine Attard
14:22 Dr Mercieca: Jista' jkollna kopja?

"Il-Qorti mhix mistennija tieqaf u tagħmel kopja. Tifhem? Kif qed tara l-Qorti mhix mgħammra tajjeb għal dawn iċ-ċirkostanzi", twieġbu l-Maġistrat Montebello.
Charmaine Attard
14:22 Arnaud jitlob lil Petrou jispjega r-rapport tiegħu.
Charmaine Attard
14:21 Iż-żewġ esperti l-oħra jintalbu jistennew barra.
Charmaine Attard
14:20 Il-Qorti tgħid li l-mistoqsijiet isiru wara x-xhieda.
Charmaine Attard
14:20 Il-Qorti trid lix-xhieda jixhdu flimkien, imma Arnaud jinsisti li l-esperti eżaminaw tagħmir elettroniku differenti.
Charmaine Attard
14:19 Kull espert kien responsabbli biex jeżamina tagħmir elettroniku differenti.
Charmaine Attard
14:19 Arnaud jispjega li d-drive fiha biss id-data, imma kif ġabru l-informazzjoni tista' tiġi spjegata mix-xhud.
Charmaine Attard
14:18 Petrou jerġa' jissejjaħ lura fuq il-pedana tax-xhieda.
Charmaine Attard
14:17 Dr Mercieca jrid jagħmel kontro-eżami imma Arnaud jgħid li x-xhud għadu mhux lest.
Charmaine Attard
14:17 Iż-żewġ esperti l-oħra ħalfu li l-proċess tat-teħid tad-data għamluh mill-aħjar li setgħu.
Charmaine Attard
14:16 Dr Mercieca jqum bilwieqfa u jitlob kopja.

"Bla dubju", tikkummenta l-Maġistrat.
Charmaine Attard
14:15 Petrou jispjega kif ġabru d-data kif ukoll li r-rapport jinkludi l-informazzjoni relevanti. Kull espert ipprepara rapport dwar l-oġġetti li eżaminaw.
Charmaine Attard
14:14 Arnaud jgħid li l-Prosekuzzjoni se tistaqsi lill-Qorti biex taħtar espert biex jagħmel kopja lill-partijiet kollha. U waħda mill-hard drives ippreżentati llum ma tintmessx.

"Issa naraw" , weġbitu l-Maġistrat Montebello.
Charmaine Attard
14:13 Petrou spjega li l-folder imsemmi 'exhibits' jinkludi ritratti ta' dak kollu li sabu. Folder ieħor imsemmi 'extractions' jinkludi d-data. Ix-xhud jippreżenta żewġ hard drives lill-Qorti. Dr Mercieca jistaqsi jekk hemmx kopja għad-difiża. Arnaud jwieġbu lil le u li se jispjega għaliex minn hawn u ftit ieħor.
Charmaine Attard
14:12 Iż-żewġ hard drives li se jiġu ppreżentati llum għandhom kopji identiċi. It-tielet hard drive se tiġi ppreżentata waqt l-inkjesta pubblika.
Charmaine Attard
14:10 "Kollox irnexxielna nżommu", kompla jgħid Petrou filwaqt li stqarr li għandhom żewġ hard drives li fihom id-data kollha li ġabru mit-tagħmir elettroniku kollu msemmi fir-rapport.
Charmaine Attard
14:09 Petrou jispjega li hu rċieva t-tagħmir elettroniku f'kamra fejn setgħu jaħdmu. F'dawk il-jiem huma biss kellhom iċ-ċwievet għal dik il-kamra.
Charmaine Attard
14:09 Huwa analizza xi tagħmir li ġie kkonfiskat minn Level 21 f'Portomaso, fosthom tagħmir li ġie kkonfiskat mill-uffiċċju tas-segretarja ta' Yorgen.
Charmaine Attard
14:08 Petrou jgħid lill-Qorti li hu nħatar espert forensiku biex jgħin lill-awtoritajiet Maltin dwar l-oġġetti u l-informazzjoni li ġew ikkonfiskati minn Yorgen Fenech. Petru huwa visual specialist forensic examiner.
Charmaine Attard
14:07 Petrou se jixhed f'isem l-esperti tal-Europol.
Charmaine Attard
14:06 It-tlieta li huma jintalbu jieħdu l-ġurament. Ibusu l-bibbja.
Charmaine Attard
14:06 Ix-xhieda l-oħra huma l-Ispanjol Israel Gordillo Torres u t-Taljan Giuseppe Totaro.
Charmaine Attard
14:05 3 esperti tal-Europol jidħlu fl-awla. L-ewwel xhud jitla' fuq il-pedana tax-xhieda, Konstantinos Petrou (Grieg), qed jikteb ismu u l-ismijiet tal-ġenituri tiegħu.
Charmaine Attard
14:04 Arnaud jispjega li ż-żewġ esperti se jixhdu flimkien biex jispjegaw kif ittieħdet id-data. Huma se jippreżentaw ukoll rapport. Dr Mercieca jitlob għal kjarifika. Jistaqsi jekk ir-rapport hux dwar il-hard drive.
Charmaine Attard
14:01 Tibda s-seduta. Arnaud jgħid lill-Qorti li esperti tal-Europol se jixhdu llum.
Charmaine Attard
13:51 Messaġġier tal-Qorti jwassal l-atti tal-każ f'bagalja kbira.
Charmaine Attard
13:49 Dr Mercieca jippassiġġa minn naħa għal oħra.
Charmaine Attard
13:48 Tinħass tensjoni fl-awla hekk kif kulħadd qed jistenna l-maġistrat.
Charmaine Attard
13:44 Is-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra għadhom kif daħlu fl-awla.
Charmaine Attard
13:39 Yorgen Fenech qed jerġa' jitkellem ma' wieħed mill-avukati tiegħu, Dr Caruana Curran.
Charmaine Attard
13:38 Silenzju fl-awla hekk kif kulħadd qed jistenna lill-Maġistrat Rachel Montebello.
Charmaine Attard
13:29 Id-direttur tal-ħabs Alexander Dalli jinsab preżenti wkoll.
Charmaine Attard
13:28 Yorgen Fenech issa qed jitkellem ma' Dr Camilleri u Dr Caruana Curran, filwaqt li Dr Mercieca ħareġ mill-awla. L-awla li qed tintuża llum, hija kbira mhux ħażin u ġeneralment tintuża għal ġurijiet.
Charmaine Attard
13:27 Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia jidħol fl-awla u jmur ħdejn Dr Azzopardi.
Charmaine Attard
13:26 Filwaqt li Dr Camilleri qegħda taħdem fuq il-laptop, Yorgen Fenech jgħid kelma lil Dr Mercieca u lil Dr Caruana Curran. Dr Mercieca qed juri xi dokumenti lill-klijent tiegħu.
Charmaine Attard
13:25 Yorgen Fenech liebes maskra griża jiddaħħal f'Awla 22 minn tliet gwardjani tal-ħabs.
Charmaine Attard
13:21 Jidħol fl-awla l-avukat tal-parte civile Dr Jason Azzopardi, kif ukoll qraba tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Charmaine Attard
13:19 Fl-awla hawn preżenti l-qraba tas-suspettat, l-avukati tiegħu: Dr Marion Camilleri, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Charles Mercieca, kif ukoll gwardjani tal-ħabs.
Charmaine Attard
13:18 Sadanittant, il-ġurnalisti ġew mitluba jmorru f'Awla 22.
Charmaine Attard
12:51 Yorgen Fenech jerġa' jinħareġ mill-awla.
Charmaine Attard
12:50 L-akkużat b'kompliċità fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, iddaħħal fl-awla minn tliet uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Poġġew bilqiegħda fl-aħħar bank, waqt li l-Maġistrat Rachel Montebello qed tisma' kawżi oħra.
Charmaine Attard
12:47 Il-wara nofsinhar it-tajjeb u merħba f'dan il-blogg live minn Awla 9.
Charmaine Attard

Huma mistennija jippreżentaw imejls, messaġġi, ritratti u dokumenti oħra li nġabru mill-mowbajl ta’ Fenech. Dawn wasslu biex infetħu numru ta’ investigazzjonijiet mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet ta’ Reati Finanzjarji.

Dwar id-dewmien fix-xhieda tal-Europol, waqt l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne, is-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud kien qal li r-raġuni kienet minħabba ammont kbir ta’ data li kellha tiġi analizzata.

Fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni ta’ Fenech, Arnaud xehed fil-magħluq. Minkejja li qorti superjuri rrifjutat it-talba għal miżuri temporanji u waqqfet lil Arnaud milli jixhed dwar il-laqgħat li Fenech kellu dwar il-maħfra presidenzjali, Arnaud tħalla jixhed il-Ħamis.

Madanakollu l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, kienet tal-fehma li ladarba l-informazzjoni għaddiet b’mod kunfidenzjali mill-akkużat waqt li kien qed jipprova jikseb maħfra presidenzjali, u minħabba kawżi kostituzzjonali pendenti, xhieda pubblika setgħet tinterferixxi mad-drittijiet ta’ Fenech.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Newsbook.com.mt irrapporta li sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li għaddew ‘il fuq minn 900 messaġġ fuq WhatsApp fl-2019, bejn l-eks chief of staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri u Yorgen Fenech.

F’Settembru, l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra kkonferma wkoll fix-xhieda tiegħu, li kien hemm grupp fuq WhatsApp, li kien jinvolvi lill-eks prim ministru Joseph Muscat, lil Schembri u lil Fenech.

L-eks kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kellu jirrikorri għal elezzjoni għal kap tal-partit, wara li ħareġ li hu baqa’ jikkomunika ma’ Fenech wara li sar magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari RosianneCutajar ukoll jidher li kkomunikaw mal-akkużat fl-2019 permezz ta’ WhatsApp.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurth Zahra.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f’isem il-familja ta’ Daphne.

L-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għall-akkużat.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Filmat: Monique Agius

X’dehrlek mis-seduta tal-lum?

Ikkummenta hawn taħt jew ibgħat imejl fuq info@newsbook.com.mt