Dalwaqt jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa mill-art u mill-baħar

L-istaġuni tal-kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art u minn fuq il-baħar dalwaqt se jiftħu.

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali qal li l-istaġun tal-kaċċa mill-art se jiftaħ fl-1 ta’ Settembru u jagħlaq fil-31 ta’ Jannar 2019 (iż-żewġ dati inklużi). L-istaġun tal-kaċċa għall-għasafar minn fuq il-baħar se jiftaħ mill-1 ta’ Ottubru 2018 sal-31 ta’ Jannar 2019 (iż-żewġ dati inklużi) minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-1 pm fil-Ħdud u festi pubbliċi.

Il-kaċċa minn fuq l-art mill-15 ta’ Settembru sas-7 t’Ottubru mhux ħa tkun permessa mit-Tnejn sas-Sibt wara s-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara. Il-kaċċa minn fuq il-baħar mil-1 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Ottubru mhux ħa tkun permessa mit-Tnejn sas-Sibt wara s-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara. Dawn il-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek, li jagħlaq fl-aħħar ta’ Diċembru.

L-għasafar kaċċabbli huma dawk murija fil-ktieb l-aħdar tal-kaċċa. Il-ktejjeb irid ikun ittimbrat minn għaqda tal-kaċċa għas-sena 2018 u kull kaċċatur irid iżomm fuqu l-liċenzja ġenerali tal-kaċċa u l-permess tal-pulizija. Skont is-Segretarjat, il-gamiema hija kaċċabbli biss fix-xahar ta’ Settembru bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 gamiema mingħajr kwota personali.