Il-kardinali jitolbu għal Papa ġeneruż

Fl-għaxra ta’ dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan ġiet iċċelebrata l-quddiesa “pro eligendo Pontifice” li tagħti bidu għall-Konklavi.

Immexxija mid-dekan Angelo Sodano. Waqt il-quddiesa ipparteċipaw il-kardinali kollha, inkluż dawk mhux eletturi.

Il-kardinal Angelo Sodano irringrazzja lil Alla talli jżomm idejh fuq il-Knisja u anke rringrazjah tal-Pontifikat ta’ Benedittu XVI.

Waqt l-omelija, il-kardinal Sodano tkellem dwar il-bżonn li l-Knisja tkompli tagħmel atti ta’ karità. Saħaq, li l-imħabba tidher l-iktar meta niġu f’kuntatt dirett mat-tbatija, mal-inġustizzja, mal-faqar u mad-dgħjufija tal-bniedem. Kompla jgħid li hi l-imħabba ta’ Alla li twassal biex is-saċerdoti u r-reliġjużi, jkomplu jwasslu l-Kelma tal-Vanġelu.

Appella wkoll biex il-Knisja tkun iktar maqgħuda u kull membru jagħti appoġġ sħiħ lis-suċċessur ta’ San Pietru.

Fl-aħħar tal-omelija, il-kardinal Sodano talab biex il-Knisja jkollha Papa li b’qalbu kollha lest jaqdi l-missjoni tagħha b’tant ġenerożità.

Illum fl-4:30 ta’ wara nofsinhar, bdiet purċissjoni mill-Kappella Pawlina lejn il-Kappella Sistina fejn se jittieħed il-ġurament minn kull wieħed mill-115-il kardinal, u wara ssir il-meditazzjoni mmexxija mill-Kardinal Prospero Grech.

Intant illejla għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, miċ-ċumnija ta’ fuq il-kappella Sistina mistenni joħroġ l-ewwel duħħan, li wisq probabbli se jkun iswed.