Dalwaqt ipprojbit ix-xorb alkoħoliku mit-toroq tal-Marsa

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal li tinsab fi stadju avvanzat il-bye-law biex ix-xorb alkoħoliku jkun ipprojbit mit-toroq tal-Marsa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien hemm preżenti l-Kunsill Lokali tal-Marsa, il-Ministru għamilha ċara li din il-bye-law se tapplika għal kulħadd.
Il-Ministru qal ukoll li se jassigura li l-għassa tal-pulizija tal-Marsa tkun miftuħa 24 siegħa kuljum u jkun hemm spettur li jopera speċifikament minnha.
Kien hawn li saħaq li l-Gvern qed ipoġġi l-bon ordni tal-pajjiż fuq nett tal-aġenda u se jassigura wkoll li tiżdied is-sigurtà mhux biss fil-Marsa, imma anke f’Birżebbuġa, il-Ħamrun, il-Qawra u Buġibba.
Fakkar li diġà bdew jittieħdu passi u semma r-rondi li qed jagħmlu kontinwament il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. 
Il-Ministru qal ukoll li qed issir ħidma ma’ kusilli lokali oħra biex f’inħawi meqjusa hotspots jiġu installati kameras tas-sigurtà.
Qal li se tkun qed tinfetaħ diskussjoni biex jinħoloq bilanċ bejn dak li għandu x’jaqsam ma’ CCTVs u l-protezzjoni tad-data.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo