Dalwaqt insiru nafu għax ma tħallhiex iraħħas il-petrol

L-investigazzjoni dwar il-pompa tal-petrol lokali, li ma tħallitx traħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel, f’Jannar tas-sena l-oħra dalwaqt se tkun konkluża.
Fil-parlament il-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli qalet li l-uffiċċju għall-Kompetizzjoni dalwaqt se jiffinalizza d-deċiżjoni tiegħu.
Bi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista, Clyde Puli il-Ministru  Helena Dalli qalet li, skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ngħata aċċess għall-fajl tal-każ.
B'rabta ma' dak il-każ, fejn sid ta' pompa ta' petrol kien għażel li jraħħas id-diesel b’2ċ, l-Għaqda tal-Konsumaturi, kienet fissret bħala inkwetanti u serji l-allegazzjonijiet li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma kkontrollati minn cartel u għalhekk mhux veru liberalizzati.
Min-naħa tagħha l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kienet staqsiet jekk is-suq tal-fuel f’Malta hux veru liberalizzat.