Filmat: Jitwaqqfu l-vjaġġi kollha minn u lejn l-Italja

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li t-titjiriet u l-vjaġġi bil-baħar bejn l-Italja u Malta se jieqfu immedjatament wara li l-Italja kollha qiegħda taħt kwarantina minħabba t-tifrix tal-coronavirus, ħlief għall-ġarr tal-merkanzija, ikel u mediċina. Il-Gvern għandu jsib soluzzjoni sabiex il-Maltin maqbudin l-Italja jinġiebu Malta.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza stampa f’nofsillejl f’Kastilja, wara li ġie rrappurtat ir-raba’ każ tal-coronavirus f’Malta u wara li l-Italja kollha tqiegħdet taħt kwarantina.

Din id-deċiżjoni se tidħol fis-seħħ b’mod immedjat, u se tibqa’ fis-seħħ skont iċ-ċirkostanzi. Il-laqgħa tal-Kabinett tat-Tlieta għandha tkompli tiddiskuti dawn id-deċiżjonijiet.

Abela semma l-Maltin li hemm maqbudin l-Italja, u qal li se jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinġiebu Malta mill-aktar fis. Dan is-suġġett mistenni jiġi diskuss fil-laqgħa tal-Kabinett, u għandu jitwaqqaf ukoll helpline fejn iċemplu l-Maltin għall-għajnuna.

Il-katamaran bejn iż-żewġ gżejjer għandu jaħdem biss biex iġorr il-merkanzija. Cruiseliner b’madwar 2,600 persuna abbord kellu jasal Malta nhar it-Tlieta iżda ngħata struzzjonijiet biex ma jidħolx fil-port Malti.

“Forza e coraggio,” qal il-Prim Ministru lit-Taljani, filwaqt li esprima d-dispjaċir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż ġar ta’ Malta. Appella lill-poplu Malti biex ma jallarmax ruħu, u qal li Malta hi preparata għal kull eventwalità. Minkejja dan, l-iskola u x-xogħol għandhom jibqgħu sejrin b’mod normali.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-prijorità tal-Gvern hi s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Qal li se jittieħdu l-passi kollha meħtieġa, anke jekk il-miżuri jkunu ibsin.

It-Tnejn filgħaxija tħabbar ir-raba’ każ tal-coronavirus f’Malta. Il-pazjent huwa barrani residenti f’Malta li mar vaganza fit-Tramuntana tal-Italja fl-aħħar jiem. Sorsi qalu li r-raġel huwa Norveġiż.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għandu jsejjaħ konferenza stampa t-Tlieta biex jagħti l-aġġornamenti fuq ir-raba’ pazjent li għandu l-coronavirus.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar li l-Italja kollha se tkun kwarantina, issa li l-coronavirus inxtered sew u ħasad iżjed ħajjiet. Huwa għandu jiffirma digriet dwar dan it-Tlieta filgħodu.

Geopoliticalcentre

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn