Filmat: “Inkomplu nirritornaw għan-normal nhar il-Ġimgħa – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minn nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, Malta se tkompli t-triq biex tasal għan-normal. Huwa ħabbar dan konferenza tal-aħbarijiet illejla. Il-PM qal li l-ftuħ tar-restaurants u hairdressers se jkun sigur minħabba li se jkun hemm protokoll marbut ma’ kull attività.

“Tħallux li tkunu ikkundizzjonati mill-biża’” – il-PM qal dan għax qal li din tkun l-agħar ħaġa għall-kwalità tal-ħajja. Il-PM qal li “l-fatti jindikaw li ma hemmx għalfejn inħallu tieqa imbexxqa” imma appella biex in-nies ma jibżgħux mill-ftuħ ta’ aktar negozji.

Ix-xjenza u l-fatti mediċi jgħidulna li nistgħu nkomplu t-triq tan-normalità…Fl-4 ta’ Mejju bdejna t-triq hekk kif bdew jiġu rilaxxati l-miżuri.

il-PM Robert Abela

Il-PM qal li huwa konvint b’ċertezza li se nibqgħu sejrin tajjeb għax qal li d-deċiżjonijiet ittieħdu għax kien hemm diskussjoni. Għal diversi drabi, il-PM rringrazzja lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li flimkien mal-Professur Charmaine Gauci ħadmu biex Malta tasal f’dan il-punt.

Miżuri ġodda minn nhar il-Ġimgħa:

  • Persuni fil-pubbliku jistgħu jkunu f’ġemgħat sa 6 persuni (flok 4)
  • Jistgħu jiftħu cinema fil-beraħ
  • Tipi differenti ta’ sports inkluż diving u tennis
  • It-taħriġ jista’ jsir bejn sitta min-nies. Eżempju ħames atleti u coach jew sitt atleti
  • Il-funerali jistgħu jibdew isiru minn nhar il-Ġimgħa bit-tqarbin isir minn postijiet differenti. Il-Kurja se tħabbar il-postijiet fejn jistgħu jsiru l-funerali.
  • Ir-restoranti jistgħu jiftħu bi protokoll speċjali.
  • Il-hairdressers, il-barbiera u l-beauticians jistgħu jerġgħu jiftħu billi jżommu mal-protokoll.

Il-PM qal li f’dawn il-ġimgħat kien hemm sens ta’ għaqda nazzjonali u hawn irringazzja lis-servizzi tal-ordni u l-professjonisti tas-saħħa. Qal li n-numri f’Malta huma baxxi u l-Gvern ħaseb għal kull kontinġenza permezz ta’ żieda fis-sodod u xiri ta’ apparat fl-isptarijiet. Qal li l-bilanċ huwa importanti għax qal li l-Gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet b’mod oġġettiv.

Huwa qal li se tintensifika l-kampanja ta’ edukazzjoni dwar id-diversi protokolli għal kull attività ekonomika li se titħalla topera.

Il-PM qal li “jekk neputija tmur tgħannaq lin-nanna m’hemmx multi imma kulħadd irid joqgħod attent”. Qal li din hi ċirkostanza li ma tistax tgħid li hi tajba jew ħażina.

“Il-poplu għamel sagrifiċċji” – il-Ministru Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne beda d-diskors tiegħu b’kuntest ta’ dak li ġara fl-ibliet bħal Bergamo u Madrid. Qal li t-tsunami li ħakem lil dawn il-pajjiżi ma wasal f’Malta għax bil-preparazzjoni sal-lum ġiet ikkontrollata.

Qal li l-poplu għamel is-sagrifiċċji fosthom in-nies vulnerabbli, il-persuni fin-negozju, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u dawk kollha li baqgħu jaħdmu.

Il-Ministru qal li rridu noqogħdu attenti biex it-tieni mewġa nżommuha ‘l bogħod. Huwa qabbel din is-sitwazzjoni max-xabbaturi li qal li huma u neżlin mill-muntanja aktar ikun hemm ċans li jiġru l-inċidenti.

X’servizzi tas-saħħa se jiftħu nhar il-Ġimgħa?

  • Inkomplu nżidu s-servizzi tas-saħħa li kienu waqfu
  • Jiftħu l-bereġ tas-saħħa inkluż dawk għad-dijabetiċi
  • F’Mater Dei jiżdiedu l-kliniċi tal-Out-Patients
  • Jitkompla s-servizz tal-IVF
  • Waqt il-ħlas, ir-raġel ikun jista’ jidħol fis-sala l-ħin kollu

Il-Ministru Fearne qal li tibqa’ l-prerrogattiva tas-sidien jekk idaħħlux lill-klijenti fil-ħanut.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci qalet li se jiġi ppubblikat protokoll speċjali li fih se jkun hemm il-prinċipji bażiċi tal-iġene. Stqarret li se l-prinċipju li ma jistax ikun hemm persuni fl-istess kamra japplika anke għas-salons għax qalet li anke dawn iridu jillimitaw il-persuni li jidħlu fil-ħanut tagħhom. Qalet li l-maskri jridu jintlibsu kemm mill-konsumaturi kif ukoll minn dak li qed joffri s-servizz.

Dwar l-isport, il-Professur qalet li kien ta’ dispjċir għalihom li jwaqqfu t-taħriġ iżda qalet li min nhar il-Ġimgħa jistgħu jkomplu bit-taħriġ jekk ma jaqbżux in-numru ta’ 6 persuni flimkien.

Il-Professur qalet li ħarġu protokolli għal-lukandi biex jekk iridu jiftħu għas-suq lokali jkunu jistgħu jagħmlu dan.

Aktar kmieni

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli kienet qalet li l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iħabbar aktar tnaqqis ta’ miżuri dwar il-coronavirus sa nhar it-Tnejn li ġej.

“L-ewwel magna li se tinxtegħel hi dik ta’ turiżmu intern bejn il-Maltin u l-Għawdxin. Dan hekk kif sa nhar it-Tnejn li ġej il-Prim Ministru se jkun qed iħabbar liema huma dawk is-setturi fl-ekonomija li se jiftħu u bid-dati ta’ meta,” qalet Farrugia Portelli.

Intant, fid-diskors tiegħu tal-bieraħ, il-Prim Ministru qal li jrid li l-poplu jgawdi s-sajf. Diskors li qala kemm appoġġ u kemm kritika matul il-ġurnata tal-lum.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn