Filmat: “Kulħadd lura għax-xogħol, inkluż il-vulnerabbli” – il-PM

Il-Gvern iħabbar ir-rilaxx tal-miżuri minn nhar il-Ġimgħa 5 ta' Ġunju

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela beda l-konferenza tal-aħbarijiet billi qal li nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju l-Maltin u l-Għawdxin se jirritornaw għan-normalità tal-ħajja. Spjega li dakinhar se jitneħħew il-miżuri li kienu ddaħħlu minħabba l-pandemija.

Huwa ħabbar ukoll li nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju, il-Gvern se jħabbar budget “multi-miljunarju” li permezz tiegħu jiġu inċentivati n-negozji u dawk li jaħdmu bi bżulija.

Kulħadd lura għax-xogħol, inkluż il-vulnerabbli

Il-PM appella biex il-pubbliku jkun responsabbli u stqarr li kulħadd irid imur lura għax-xogħol inkluż il-persuni vulnerabbli li fil-bidu rċivew ittra mill-Gvern biex jibqgħu d-dar. Stqarr li x-xogħol jagħti dinjità lill-persuna.

Huwa qal li mill-Ġimgħa se jkun hemm reviżjonijiet tal-miżuri eżistenti għaliex insista li l-ħajja tkompli b’mod normali. Hawnhekk il-PM qal li l-protokolli li ħarġu se jiġu ssimplifikati fi tliet protokolli li huma ż-żamma tas-social distancing, l-iġene u l-użu tal-maskri.

Dwar il-ftuħ tal-ajruport, il-PM qal li fl-1 ta’ Lulju, Malta se jkollha konnessjonijiet bl-ajru ma’ 19-il pajjiż.

“Nirrilaxxaw b’moħħna mistrieħ” – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-R-factor tal-coronavirus f’Malta hi ta’ 0.5 u għalhekk qal li nistgħu “nirrilaxxaw b’moħħna mistrieħ”. Qal li l-prijorita tal-Gvern tibqa’ s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Fakkar kif minn Jannar meta l-virus kien għadu fl-Asja, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu bdew jippjanaw biex jikkumbatti l-coronavirus.

Huwa elenka l-miżuri kollha li ttieħdu bħala preparazzjoni f’każ li l-każijiet f’Malta jiżdiedu. Stqarr li l-isptarijiet huma kapaċi li jikkuraw lil kull pazjent u l-professjonisti huma mħarġa apposta.

Il-Ministru Fearne saħaq li “kulħadd irid jirrispondi jekk ma jimxix skont il-liġijiet”.

“Il-kwarantina kienet importanti” – il-Professur Charmaine Gauci

Il-Professur Charmaine Gauci stqarret li l-kwarantina kienet importanti biex il-virus ma nfirixx ħafna. Qalet li l-miżuri ġew rilaxxati bi pjan ta’ mitigazzjoni flimkien ma’ appell għall-iġene personali.

Fid-diskors tagħha hija rringrazzjat il-kollaborazzjoni tal-pubbliku għal mod kif segwew mad-direzzjoni tat tul l-aħħar ġimgħat.

Aktar kmieni

minn Nicole Borg

Propju ftit tal-minuti qabel ma kellha tibda l-konferenza tal-aħbarijiet tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, din tħassret u ħareġ li se tkun qed tindirizza l-konferenza mal-Prim Ministru llejla. Dan għaliex hi daħlet f’laqgħa urġenti mal-Prim Ministru stess.

Intant, fis-sejħa mibgħuta lill-midja m’hemmx indikazzjoni ta’ min se jkun qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru.

Bejn ilbieraħ u llum qamet kontroversja sħiħa hekk kif jidher li llum se jkunu mħabbra sett ta’ miżuri ġodda li se jaraw il-ftuħ tal-bqija tan-negozji, il-gyms u anke l-Qorti minn nhar il-Ġimgħa. Intant, se jkun qed jitħabbar ukoll li fit-8 ta’ Ġunju, il-Gvern se jiżvela baġit multi-miljunarju, apparti minn dak li s-soltu joħroġ f’Ottubru. Il-Gvern se jkun qed jitkellem ukoll dwar il-ftuħ tal-portijiet li mistenni jsir fl-1 ta’ Lulju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn