Filmat: €800 għall-ħaddiema tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Posted by MaltaGov on Tuesday, 24 March 2020

Il-Gvern se jħallas €800 fix-xahar lill-ħaddiema tar-ristoranti u tal-akkomodazzjoni fost oħrajn.

Il-Prim Ministru Robert Abela żvela pakketti ta’ għajnuna ġodda wara li kien taħt pressjoni minn diversi entitajiet biex il-Gvern ikun aktar ġeneruż.

“Dan huwa l-aqwa investiment li seta’ jagħmel pajjiżna,” qal Abela.

Abela qal li lest ukoll li joffri paga ta’ xahar tiegħu biex ikompli jgħin is-sitwazzjoni.

Abela qal li jinsabu kuntent li laħaq qbil mal-membri tal-MCESD. Qal li kien hemm qbil fuq it-tielet sett ta’ miżuri ekonomiċi.

Il-Gvern se jħallas il-paga minima sħiħa ta’ €800 fix-xahar għal kull ħaddiem jew persuna self-employed fis-setturi tal-wholesale, retail, akkomodazzjoni, ristoranti, kiri tal-karozzi, employment activities, sigurtà, tindif, trasport, u divertiment. Abela qal li dan se jiswa €44 miljun fix-xahar.

Min jaqla’ sa €1,200 se jkun qed jirċievi €800 mill-Gvern u ‘l bqija jitħallas minn min iħaddem. Għal min jaqla’ aktar minn €1,200, jekk min iħaddem ikun jiflaħ il-Gvern iħeġġeġ lil dak li jkun biex iqarreb kemm jista’ jkun lejn il-paga normali. Il-Gvern qal li jistenna flessibilità minn kulħadd f’dan il-każ. Il-part-timers se jingħataw €500 fix-xahar. Dan it-tibdil se jkun retroattiv mid-9 ta’ Marzu.

Skont Abela hemm madwar 60,000 ħaddiem f’dawn is-setturi.

Abela ħabbar li l-Gvern beda jiddiskuti mal-banek biex ir-rati tal-imgħaxx jinżlu.

Il-PN irid iħallas €5 miljuni f’kontijiet – Abela

Mistoqsi dwar jekk il-Gvern jikkunsidrax iraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, Abela qal li kien ikun aħjar jekk il-PN iħallas il-kontijiet li għadu ma ħallasx. Skont Abela, dawn jammontaw għal madwar €5 miljuni. Abela kien qed iwieġeb domanda ta’ ħaddiem ta’ NET News.

Il-PM qal li Malta tinsab f’sitwazzjoni ta’ gwerra. Qal li l-war chest ta’ Malta trid tkun prudenti. Spjega li ċ-ċirkostanzi li qed taffaċċja Malta bħalissa huma bla preċedent.

Skont Abela dawn il-miżuri jikkumparaw tajjeb ma’ pajjiżi oħra.

Abela ma eskludiex li jistgħu jitħabbru pakketti ta’ għajnuna ġodda aktar ‘il quddiem. Qal li l-impatt ekonomiku jaf idum medda ta’ xhur.

#MHRA Press Release : New Measures Renew Hope for the Future The Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) is…

Posted by Malta Hotels and Restaurants Association on Tuesday, 24 March 2020

Il-konferenza tal-aħbarijiet bdiet għat-8.25pm. Saret f’lukanda fil-Furjana.

Il-ġimgħa li għaddiet Ablea żvela pakkett ta’ għajnuna ta’ €1.81 biljun. Fost l-affarijiet li kien jinkludi kien hemm €150 miljun f’garanziji bankarji u €750 miljun f’soft loans. Il-kritiċi tal-pakkett qalu li għalkemm €1.81 biljun kien jidher ammont kbir, fil-verità ammont żgħir minn dawk il-flus kien se jmur direttament f’idejn in-negozji.

Il-Kamra tal-Kummerċ kienet qalet li l-miżuri mħabbra mill-Gvern fit-18 ta’ Marzu huma diżappuntanti u li mhux se jwaqqfu t-telfien tal-impjiegi.

Aktar kmieni sorsi qrib il-Gvern indikaw li pakkett ekonomiku ġdid se jitħabbar mill-Gvern “b’mod imminenti”. Dan wara laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li saret illum waranofsinhar, fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż minħabba l-coronavirus.

Skont kummenti ta’ wħud mill-imsieħba indikaw li l-pakkett ekonomiku mistenni jkun ġeneruż biex jiġu salvagwardati l-impjiegi. Din qed titqies bħala mossa pożittiva wara r-reazzjoni negattiva għall-ewwel għajnuniet li ħabbar il-Gvern il-ġimgħa li għaddiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn