Dalwaqt għall-istudenti: Ibbukjaw post fejn tipparkjaw, b’kundizzjoni waħda…

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħabbar li studenti universitarji se jkunu jistgħu jibdew jibbukkjaw post fejn jipparkjaw fl-ikbar parkeġġ tal-Università ta’ Malta, il-parkeġġ numru 6.
L-uniku kundizzjoni hija li fil-karozza jrid ikun hemm mill-inqas żewġ passiġġieri, minbarra s-sewwieq, li lkoll ikollhom permess validu biex jipparkjaw fil-parkeġġ tal-Università.  
Din hija waħda mill-inizjattivi li l-KSU qed tipproponi bl-għan li tittaffa l-problema tal-parkeġġ fl-Università, ladarba skontu t-talbiet tiegħu għall-għajnuna lill-awtoritajiet waqgħu fuq widnejn torox.
L-istudenti li jgħaddu għall-kollegi tagħhom fi triqithom lejn l-Università dalwaqt se jkunu jistgħu jibbukkjaw post fejn jipparkjaw minn ġurnata qabel, u l-post jitħalla vojt għalihom sal-10am.
Il-bqija tal-istudenti se jkunu jistgħu jipparkjaw fil-postijiet li jibqgħu vojta.
Park and Ride fil-Mosta, u trasport pubbliku b’xejn
Sabiex ikompli jħajjar lill-istudenti biex jużaw it-trasport pubbliku, il-KSU ssottometta wkoll proposta lil Transport Malta biex post partikolari fil-Mosta jsir Park and Ride, li jesa’ kemm karozzi kif ukoll roti, minn fejn jibdew jitilqu karozzi tal-linja diretti lejn l-Università.
Studenti universitarji se jkunu jistgħu jerġgħu japplikaw biex igawdu mill-Fondi għat-Trasport Pubbliku tal-KSU, li joffri lill-istudenti trasport pubbliku b’xejn tul it-tliet xhur tat-tieni semestru.
L-inizjattiva tapplika biss għall-istudenti li jirritornaw il-permess tal-parkeġġ lill-KSU sal-aħħar ta’ Jannar u l-istudenti li m’għandhomx permess tal-parkeġġ tal-KSU, u li jaqblu li jċedu d-dritt li japplikaw għalih sa Mejju tas-sena d-dieħla.
Parkeġġ ikbar għall-muturi u lezzjonijiet b’xejn
Il-KSU ħabbar ukoll li l-parkeġġ tal-muturi f’Car Park 4 se jitkabbar biex jakkomoda 30 muturi pparkjati f’daqqa.
Ħabbar ukoll li, b’kollaborazzjoni ma’ Gordon’s Moto Centre, se jkun qed jorganizza lezzjonijiet tat-tagħlim tas-sewqan tal-muturi fejn l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu jsuqu mutur taħt l-iggwidar ta’ għalliem kwalifikat.
Wara 10 sigħat ta’ tagħlim, l-istudenti li jinkitbu se jakkwistaw il-Permess tal-Muturi tal-Kategorija B 125cc.
Il-KSU se jkun qed jissussidja l-lezzjonijiet għal 58 student, biex b’hekk it-total ta’ €170 jitnaqqas bin-nofs, diment li l-istudenti jċedu l-permess tal-parkeġġ tagħhom.
Iktar skontijiet fuq il-kiri tar-roti
Il-KSU applika wkoll għall-fondi tal-‘Bicycle Racks Fund’, li se jgħinuh iżid il-parkeġġ tar-roti madwar il-kampus.
Il-kunsill innota li l-użu tar-roti fost l-istudenti żdied minn mindu laħaq ftehim mal-kumpanija Nextbike Malta, u għalhekk laħaq ftehim ieħor mal-kumpanija biex sħubija annwali mal-kumpanija titraħħas b’50% għall-istudenti.
Dan ifisser li b’€40, l-istudenti li joqogħdu 30 minuta bogħod mill-Università, ser ikunu koperti għal sena sħiħa.