Filmat: Tmut l-ewwel persuna bil-coronavirus f’Malta

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li madwar siegħa ilu mietet l-ewwel persuna bil-coronavirus, mara Għawdxija ta’ 92 sena.

L-anzjana mietet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Ministru Chris Fearne spjega li l-mara kienet tbati bid-dijabete u kellha anke kundizzjonijiet f’qalbha u fil-kliewi. Qal li meta tkellem mat-tobba tagħha, qalulu li anke influwenza kienet tkiddha tant kemm kienet f’sitwazzjoni prekarja.

Huwa qal li sfortunatament, din mhix se tkun l-aħħar darba li se jkollu aħbar ta’ dan it-tip. Esprima l-kondoljanzi tiegħu, tal-Gvern u tal-ħaddiema tas-saħħa mal-familja tal-mara.

“Dan l-Għid ibqgħu ġewwa” – Fearne

Il-Ministru kompla jgħid li l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd li ġej normalment huma jiem ta’ ċelebrazzjoni għall-Maltin, minħabba li huwa l-Għid il-Kbir, iżda wissa li din id-darba jridu jiġu ċċelebrati b’mod differenti, peress li kulħadd għandu jibqa’ ġewwa.

Qal li jekk ikun hemm l-imwiet, mhux għax il-ħaddiema tas-saħħa mhumiex kapaċi jagħtu l-kura, imma tant kemm huwa kiefer il-virus. Il-Ministru appella lill-pubbliku biex isegwi r-liġijiet, b’mod partikolari lill-anzjani. Huwa appella wkoll lill-qraba u l-ħbieb tal-anzjani sabiex iżommu kuntatt magħhom. B’ton ta’ inkoraġġiment qal li s-solidarjetà f’Malta hija xi ħaġa kbira, li qed tintwera aktar f’dawn iż-żminijiet.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li din hi ġurnata ta’ diqa għal kulħadd, speċjalment għat-tim mediku. Qalet li meta l-ħaddiema tas-saħħa rċivew l-aħbar, huma waqfu minn xogħolhom b’ħasda, għalkemm kienu konxji tal-kundizzjoni tal-mara.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru qal li fil-jiem li ġejjin għadd ta’ anzjani se jitmexxew mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal post ieħor.

Xi ġurnalisti ma rnexxilhomx jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom peress li nqatgħet il-konnessjoni, fosthom il-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-kondoljanzi tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittma. Adrian Delia, b’mod personali u f’isem il-Partit Nazzjonalista, esprima n-niket tiegħu għall-aħbar tal-mewt marbuta mal-pandemija Covid-19.

Tenna kliem il-Ministru Fearne meta qal, “Aktar minn qatt qabel, irridu wkoll nesprimu l-akbar solidarjetà bejnitna bħala poplu wieħed u ntennu bla riżerva l-appell tagħna lill-poplu kollu li jsegwi d-direttivi u rakkomandazzjoni kollha li jsiru mill-awtoritajiet tas-saħħa.”

Għall-ħabta tas-7.10pm, tħabbar li l-Ministru Fearne kien se jagħmel konferenza tal-aħbarijiet illejla.

S’issa Malta għandha 299 każ tal-coronavirus, wara li llum tħabbru l-aħħar sitta.