Ritratti: Dimostrazzjoni oħra għal ġustizzja fil-Belt Valletta

Bdiet d-dimostrazzjoni organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili fil-Belt Valletta.
L-ewwel kelliem, Immanuel Mifsud ikkwota lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li tliet snin ilu kienet qalet li s-soċjetà ċivili trid ixammar il-kmiem biex taħdem għall-ġid tas-soċjetà. Kienet qalet li s-soċjetà ċivili trid tkun kritika tal-affarijiet.
Mifsud saħaq li l-poplu jrid jifhem li l-politiċi huma tal-poplu, u mhux il-poplu jkun tal-politiċi.
Il-kittieb Mifsud qal li s-soċjetà ċivili trid tikkritika lill-pajjiż u lill-partiti politiċi fejn ikun hemm bżonn. Iddeskriva l-kritika lejn il-pajjiż bħala “impenn” u mhux “tradiment”. Żied jgħid li Repubblika li tinjora l-kritika hija Repubblika dgħajfa.
It-tieni kelliema kienet l-attivistà min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili Miriam Galea. Qalet li hemm sentimenti li l-poplu Malti għandu jrażżan ilsienu mill-kritika immirata lejn il-pajjiż.
Galea stqarret li f’Malta, min ikun korrott u medjokru jtaptpulu fuq spalltu filkwaqt li min ikun b’subajgħ dritt jitkasbar. Żiedet tgħid li n-nies onesti jitwarrbu minflok ma’ jiġu ppremjati.
Miriam Galea saħqet li l-politika mhux qiegħdha hemm biss għall-politiċi, imma hija hemm ukoll għan-nies. Qalet li l-politiċi jridu jaqdu lin-nies, u mhux in-nies jaqdu lill-politiċi.
L-attivista qalet li min qed jitkellem, mhuwiex qed ikun emozzjonanti kif qed jipprova jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat. Qalet li l-MPEs, il-ġurnalisti, il-whistleblowers, u Daphne Caruana Galizia mhumiex tradituri. Galea qalet li dawk li jħammġu isem Malta huma tradituri.
Fil-fehma ta’ Galea, Joseph Muscat ma għamel xejn dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż ħlief għal aktar kliem u diskorsi. Spjegat li Muscat għandu żewġt uċuh. Wiċċ solenni li jilbes quddiem il-ġurnalisti barranin u wiċċ ieħor ta’ bully biex jgħaddi ż-żmien b’dawk li jipprotestaw. Qalet li Muscat jattakka lil kull min jażżarda jitkellem f’isem is-sewwa.
Fi kliem Galea, Muscat irid lil Malta tkun stat normali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, però qalet li l-istandards ta’ Malta Muscat baxxihom għal dawk ta’ pajjiż li qed jiżviluppa.
Il-ġurnalista Caroline Muscat qalet li l-poplu malti qed jisma’ b’xi storja ġdida kuljum dwar dawk li suppost qed imexxu bl-eżempju.
Qalet li mhu qed isir xejn fil-konfront ta’ dawn in-nies u li l-bidliet kożmetiċi ma jwasslu għal imkien.
Caroline Muscat, li kienet it-tielet kelliema tad-dimostrazzjoni qalet li min ma jitkellimx dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-pajjiż ikun kompliċi.
Muscat qalet li l-Gvern Malti qed jimpjega nies mit-taxxi biex iżommu polz fuq dak li qed jinkiteb fuq il-mezzi soċjali peress li hemm min qed jitfa’ dawl fuq dak li qed jiġri fil-pajjiż.
Muscat ħeġġet lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom għax fadal persuni li jridu jaraw bidla fil-pajjiż.
Għal din id-dimostrazzjoni attenda u kien kelliem ewlieni il-politiku Taljan, il-Maġistrat Antonio Di Pietro li fis-snin disgħin kines lix-xena politika Taljana kif ukoll lid-dinja tan-negozju ta' dak il-pajjiż minn għanqbuta ta' korruzzjoni. Di Pietro mexa mad-dimostranti għax, skont għejjun infurmati, ried ikun wieħed minnhom billi ħass li l-protagonista vera tad-dimostrazzjoni kienet is-sejħa għall-ġustizzja.
Aktar kmieni llum, l-attivisti fakkru li d-dimostrazzjoni se tibda fl-4:00pm quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. Qalu li l-kelliem ewlieni se jkun l-eks Maġistrat kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro.
Is-CSN kienet qalet li Di Pietro huwa l-aktar magħruf għal Mani Pulite u fis-snin 90 kien kixef il-korruzzjoni u ‘tengentopoli’ fl-Italja. Huwa kien wassal għal bosta riformi fis-sistema politika.
Aktar dettalji kif jaslulna.

Ritratti: Ian Noel Pace