Dalwaqt b’karta tal-identità ġdida

Il-Maltin u Għawdxin se jkollhom karta tal-identità ġdida fix-xur li ġejjin, hekk kif se tkun mgħammra b’għadd ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat ħabbar li l-produzzjoni tal-karta tal-identità ġdida waslet fl-aħħar fażi tagħha. Huwa kien qed iżur li l-impjant fejn qed issir il-produzzjoni.

Huwa saħaq li filwaqt li l-karti tal-identità li hawn fiċ-ċirkolazzjoni fil-preżent diġà huma b’saħħithom fejn tidħol sigurtà, dan se jkun imsaħħaħ b’teknoloġija iżjed avvanzata. Dan id-dokument uffiċjali se jkollu karatteristiċi li jagħmluha diffiċli biex jiġi mbagħbas jew iffalsifikat. Il-karta tal-identità l-ġdida se tkun magħmula minn polycarbonate substrate, materjal sigur ħafna, u d-dettalji tad-detentur se jkunu laser-engraved, bl-iswed u l-abjad.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta sostna li din id-darba mhux se jkun hemm mass roll-out biex tinħareġ il-karta tal-identità. Huwa spjega li din se tkun qed tinħareġ għal applikazzjonijiet li jidħlu ġodda jew għal bdil ta’ dan id-dokument uffiċjali.