Dalwaqt addijo power station!

Wara 61 sena, fil-jiem li ġejjin mistennija jiżżarmaw iċ-ċmieni tal-power station tal-Marsa.
Ittra li l-korporazzjoni Enemalta bagħtet lill-ħaddiema tagħha, tgħid li “minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà ħadd ma jista’ jersaq qrib inħawi fejn ikunu qed isiru x-xogħlijiet ta’ żarmar”.
Dan sakemm ma jkollhomx awtorizzazzjoni bil-miktub.
Il-ħaddiema ġew imwissija wkoll biex “ħadd ma jieħu jew iċaqlaq xi apparat jew materjal li bħalissa jifforma parti mill-istazjon tal-elettriku”.
Minħabba x-xogħlijiet, se jingħalqu wkoll xi żoni tal-parkeġġ li qiegħdin fid-dawra tal-power station.
F’nofs is-sajf li għadda l-Enemalta bagħtet ippreżentat quddiem l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar il-pjan dwar iż-żarmar u t-twaqqiegħ tal-power station.
Qabel l-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat kien qal li ż-żona tal-power station għandha tintuża bl-aħjar mod għall-ġid tar-residenti tal-madwar.  Kien ippropona l-idea li jiftaħ sejħa internazzjonali għall-ideat dwar żvilupp tal-power station tal-Marsa.
Din il-power station ġiet inawgurata fil-5 ta’ Diċembru 1953 u kellha tingħalaq fl-1987 wara li l-Gvern ta’ dak iż-żmien iddeċieda li jibni power station ġdida f’Delimara.
Il-power station tal-Marsa kemm-il darba kienet f’nofs kontroversji, l-aktar fl-2011 meta l-MEPA waslet għall-konklużjoni li t-trab iswed li kien hemm fl-ibliet u l-irħula ta’ madwar il-Port, kienu ikkawżati mill-power station.
Fl-2008 l-Unjoni Ewropea kienet odrnat li l-power station għandha tingħalaq f’temp ta’ 20,000 siegħa.  Wara li jiskadu dawk is-sigħat, l-Enemalta bdiet tiġi mmultata u s-somma telgħet għal kważi €2.5 miljun.