Aġġornata: Casa jibgħat ittra oħra bl-appoġġ tal-MEPs

L-MEP bagħat it-tieni ittra tiegħu indirizzata lill-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, Vera Jourova, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, li fiha jisħaq fuq il-bżonn ta’ inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Flimkien ma’ Casa, iffirmaw din l-ittra l-MEPs Ana Gomes (S&D), Monica Macovei (ECR), Maite Pagazaurtundúa (ALDE) u Stelios Kouloglou (GUE/NGL).

F’din l-ittra, huma elenkaw diversi punti li juru l-inġustizzja li qed issir fl-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista, fosthom il-fatt li Silvio Valletta, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, kien qed imexxi l-investigazzjoni meta hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana. Semmew ukoll l-allegazzjonijiet li tqajmu din il-ġimgħa fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona, li attenda bachelors’ party li attenda għalih ukoll wieħed minn dawk arrestati għall-qtil tal-ġurnalista.

Tista’ taqra l-ittra kollha hawnhekk.

Aktar kmieni…

Il-Gvern ikkundanna l-attitudni ta’ David Casa fl-ittra li kiteb lill-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, Věra Jourová. Dan għamlu f’ittra indirizzata lill-istess Jourová u anke lil Frans Timmermans, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u ffirmata mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli u mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

Dan wara li David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni, kiteb lil Jourová aktar kmieni din il-ġimgħa biex iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinsisti fuq inkjesta pubblika biex issir fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet li l-Gvern kien involut fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra, Dalli u Bonnici insistew li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista kien qed jimplika li membru tal-Gvern kien responsabbli għall-assassinju, liema allegazzjonijiet, skonthom, huma bla bażi.

Casa kiteb din l-ittra wara li nhar it-Tnejn li għadda, il-ġurnal Taljan La Repubblica qal li l-Ministru Chris Cardona attenda għal bachelor’s party fejn kien hemm Alfred Degiorgio 4 xhur qabel l-assassinju. Cardona kien diġà ntlemaħ ġo bar mal-istess raġel.

Il-Gvern stieden lil David Casa biex jippreżenta kwalunkwe evidenza li għandu li tista’ tgħin bl-investigazzjoni.

Sejħa għal inkjesta pubblika

Żewġ kumpaniji legali, f’isem il-Familja Caruana Galizia, sejħu għal inkjesta pubblika dwar l-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad li ssir din l-inkjesta. Nhar it-Tnejn li għadda, 25 organizzazzjoni lokali u anke internazzjonali ta’ attivisti ġurnalistiċi u kontra l-korruzzjoni appellaw lill-Prim Ministru biex jerġa’ jaħsibha.

Il-fatti hemm jibqgħu – David Casa

Fi stqarrija li ħareġ David Casa bħala tweġiba għal din l-ittra, huwa qal li l-ittra mhu se tbiddel l-ebda fatt milli ħareġ nhar it-Tnejn minn La Repubblica.

Huwa qal li kulma jaf s’issa hu dak li ġie ppubblikat fil-midja, imma nnota kif Dalli u Bonnici aġixxew malajr wisq biex jaqbżu għal Cardona. Kompla jgħid li jekk veru riedu jkunu jafu l-fatti kollha fuq il-każ, kienu jissapportjaw l-appell tiegħu għal inkjesta indipendenti u pubblika.

Din l-attitudni tikkonferma li għandhom x’jaħbu, temm jgħid Casa.