“Dalli trid twieġeb” – PN; “Delia oppona l-liġi” – Il-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-liġi li għaddiet dwar il-vjolenza domestika mhux qed tittieħed bis-serjetà.

Dan qalu fi stqarrija, fejn saħaq wkoll li l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli għandha twieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-vjolenza domestika u femiċidju f’Malta, b’rabta mar-raba’ qtil ta’ mara minn Lulju ‘l hawn.

Il-PN saħaq fuq dawn l-4 mistoqsijiet:

  •  Liema għodod marbutin mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li għandha x’taqsam mal-vjolenza domestika, bdew jidħlu fis-seħħ kif titlob l-istess liġi?
  • Fejn hu l-pjan strateġiku tal-Gvern f’dan il-qasam?
  • X’budget u x’riżorsi qed jiddedika l-Kunsill Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għal dan is-settur?
  • Veru li, fil-fatt, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika rriżenja?
  • Min hemm minfloku?

“L-Oppożizzjoni maqtugħa mir-realtà, u lesta tipprova tieħu vantaġġ mill-femiċidju”

Il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza irrisponda għall-dawn il-mistoqsijiet bi stqarrija fejn tenna li l-PN jixtieq biss vantaġġ politiku mill-femiċidju.

Fi stqarrija separata, il-Partit Laburista (PL) saħqu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huwa kburi li oppona l-liġi, u mhux talli ma jimportahx, talli jixtieq juża vittmi tal-vjolenza domestika għal spunt politiku. Komplew jgħidu li dan l-opportuniżmu politiku huwa ovvja fil-fatt li l-għada li Delia iddefenda l-vot tiegħu kontra l-liġi dwar il-vjolenza domestika, il-PN qed jibgħatu mistoqsijiet dwarha.

L-istqarrija mill-Ministeru kompliet tgħid li kieku għall-Oppożizzjoni, il-liġi dwar il-vjolenza abbażi ta’ ġeneru u vjolenza domestika lanqas biss għaddiet mill-Parlament. Ġie spjegat li l-liġi:

  • Irdoppjat il-pieni f’każ ta’ stupru;
  • Wessgħet id-definizzjoni ta’ stupru għal kull tip ta’ sess mhux konsenswali;
  • Tat il-poter lill-Qorti biex jitneħħew l-agressuri f’każijiet ta’ vjolenza domestika minn darhom, u li ċċaħħadhom mill-kustodja tal-ulied, u;
  • Saħħet ir-riżorsi tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika.

Skont l-istqarrija mill-Ministeru, il-PN injora dan kollu kif ukoll il-fatt li l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru ilha fis-seħħ minn Novembru tal-2017.