Dalli trid timplimenta d-Direttiva ta’ Casa fl-ewwel 100 jum

Read in English.

Il-Kummissarju Ewropew elett Helena Dalli faħħret id-Direttiva negozzjata fil-Parlament Ewropew mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Din id-direttiva mistennija tagħti għaxart ijiem leave imħallas lill-missirijiet.

Qalet li fl-ewwel 100 jum tagħha jekk tiġi kkonfermata bħala Kummissarju Ewropew hija se taħdem biex il-pajjiżi jimplimentaw id-drittijiet kif stabbiliti f’din id-direttiva.

Hija qalet dan fit-tweġibiet bil-miktub li tat lill-Membri Parlamentari Ewropej mill-Kumitat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa.

Fit-tweġiba tagħha dwar il-motivazzjoni politika, Dalli qalet li hija tirrispetta bis-sħiħ il-valuri fundamentali li fuqhom ġiet mibnija l-Ewropa, inkluż ir-rispett lejn il-liġijiet (rule of law), id-dinjità tal-bniedem u drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija u l-ugwaljanza.

Hija qalet li d-direttiva tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja se jkollha impatt pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija ekonomika u stqarret ukoll li se timpenja ruħha mal-Istati Membri biex tagħmel pressjoni ħalli din id-Direttiva tiġi implimentata b’mod sħiħ.

AQRA: Casa jmexxi direttiva li se ddaħħal 10 ijiem liv għall-missirijiet

Qalet li se taħdem ukoll biex tressaq azzjonijiet biex jiġu introdotti miżuri għat-trasparenza tal-pagi. Fissret li permezz ta’ din il-politika se tkun qed tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi.

Hija tkellmet ukoll dwar il-passat politiku tagħha fejn qalet li ilha 40 sena fil-politika. Hija wegħdet ukoll li taħdem biex timplimenta bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi kif stabbiliti mill-President elett Ursula von der Leyen.

Helena Dalli mistennija tgħaddi mill-iskrutinju tal-Membri Ewroparlamentari mill-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa fit-2 ta’ Ottubru.