Aġġornata: Dalli titlob lil Tajani jiddeċiedi dwar Busuttil; Sant jikteb lill-MEPs

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Miriam  Dalli  talbet lill-President tal-PE Antonio Tajani biex jiddeċiedi jekk il-pożizzjoni tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) għadhiex tenibbli. Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant kiteb lill-MEPs biex jgħidilhom dwar l-inkjesta dwar Egrant.

Fi stqarrija, Dalli qalet li bgħatet ittra lil Tajani wara li l-Avukat Ġenerali ta’ Malta ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.

Skont Dalli, Busuttil m’għandux jibqa’ jservi bħala membru fuq il-panel li jgħasses fuq il-ħatriet tal-Imħallfin u l-Advocates General tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.  Fakkret li Busuttil kien innominat għal din il-kariga mill-PE.

“Din il-kariga teħtieġ persuna li hija kapaċi tieħu deċiżjonijiet serji b’mod infurmat. Il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali jindikaw b’mod ċar li Simon Busuttil m’għandux jokkupa din il-kariga”.

Dalli bgħatet ukoll ittra lill-membri tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-PE u lill-kumitat dwar ir-rispett lejn il-liġijiet fl-UE. Qalet li l-MEPs għandhom jagħmlu distinzjoni bejn fatti u allegazzjonijiet.

Dalli qalet ukoll li isem Malta ċċappas min-nies li emmnu allegazzjonijiet li issa rriżultaw li kienu foloz.

Infurmajt lill-MEPs bil-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali – Sant

Fi stqarrija separata, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li “aġġorna l-MEPS kollha tal-Parlament Ewropew bil-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-akkużi li tqajmu s-sena l-oħra fil-konfront ta’ mart il-Prim Ministru Joseph Muscat li allegaw li kienet propjetarja tal-Egrant, kont marbut mal-Karti tal-Panama.”

Sant qal li l-inkjesta wriet li l-allegazzjonijiet ma kienu foloz. Żied jgħid li l-allegazzjonijiet ġew ripetuti fil-Parlament Ewropew minn għadd ta’ MEPs daqslikieku vanġelu u verità minkejja l-fatt li l-Prim Ministru u martu ċaħdu l-allegazzjonijiet.