Dalli rrabjata wara kumment “partiġġjan” ta’ Metsola f’rapport tal-UE

L-Ewroparlamentari Laburista, Miriam Dalli, ħaditha kontra l-kumment li kitbet l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola, f’emenda li ssottomettiet fil-Parlament Ewropew f’rapport dwar pluraliżmu tal-midja  u libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea.
Fl-emenda Metsola rrferiet direttament lejn Malta meta qalet li hi inkwetata bl-istat ta’ libertà tal-midja f’Malta.
Dalli qalet li r-rapport, ippreżentat mir-rapporteur Barbara Spinelli, kien li jħares lejn is-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha ġurnalisti fil-Membri Stati tal-UE u li jipproponi triq ‘il quddiem u mhux li jaddotta attitudni ta’ tfigħ ta’ tajn lejn il-pajjiżi.
L-Ewroparlamentari Laburista hi tal-fehma li l-kumment ta’ Metsola jixhed attitudni ta’ tfigħ ta’ tajn, li ma jindirizzax l-isfidi u x’hemm bżonn isir, iżda jakkuża biss u sar b'mod partiġġjan biex jinkisbu punti politiċi.
Ir-rapport jelenka pressjoni kontra l-ġurnalisti li tieħu forom differenti. Fost l-oħrajn  jinkoraġixxi Membri Stati sabiex isaħħu l-litteriżmu tal-midja u jassiguraw li l-ġurnalisti jingħataw l-għodda neċessarji sabiex jagħmlu x-xogħol tagħhom.
Dalli qalet li kien għalhekk li astjeniet mill-vot dwar dar-rapport, għax fi kliem l-istqarrija, “tħoss li hi inaċċettabli li Malta kienet individwata bħala pajjiż fl-emenda li intavolat l-MEP tal-PN.”
Filwaqt li kkundannat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u anki ta’ Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu fis-Slovakkja, Dalli qalet li tikkundanna wkoll kull ċittadin Malti “li qed jaħtfu kull opportunità biex jattakkaw lil Malta.”
Filwaqt li rreferiet għall-Jum Dinji tal-Libertà tal-Midja, l-MEP Laburista saħqet fuq l-appoġġ fuq livell Ewropew għall-leġislazzjoni anti-SLAPP.
Dalli fakkret ukoll li Malta hi biss d-disa’ Membru Stat tal-UE li neħħa l-libell kriminali.