Dalli ma jiċħadx il-kontenut tat-telefonata bl-allegat attentat ta’ tixħim ta’ €10m

L-Eks Kummissarju Ewropew John Dalli ħareġ stqarrija b’reazzjoni għar-rikording ta’ telefonata, fejn l-ekskanvażer tiegħu Silvio Zammit, jinstema’ jitlob €10 miljun lil Inge Delfosse, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tat-Tabakk li ma jitpejjipx (ESTOC).
Dalli ma ċaħadx li saret din it-telefonata, ma ċaħadx il-kontenut tagħha u lanqas ma ċaħad li l-vuċi fuq ir-rikording hi tal-ekskanvażer tiegħu.
Fl-istess imejl, Dalli akkuża lill-Kummissjoni Ewropea b’omertà, lill-OLAF b’falsifikazzjoni u lill-midja b’kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn.
Jekk trid tisma’ r-rikording sħiħ agħfas hawn.
Madanakollu Dalli qal li t-traskrizzjoni sħiħa tal-konverżazzjoni fuq it-telefown kienet inkluża fir-rapport tal-OLAF, li fi kliemu, għalkem l-OLAF irrifjuta li jippubblikah, ħareġ fil-midja lokali f’April 2013.
Sejjaħ dawn ir-rapporti bħala kampanji organizzati ta’ tfigħ ta’ tajn, li fi kliemu jsiru kull meta Giovanni Kessler, li kien id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jkun fl-inkwiet.
Skont John Dalli, Kessler tneħħa mill-kariga tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea, ftit qabel mal-Gvern Taljan ħoloqlu dak li Dalli ddeskriva bħala ‘impjieg apposta għalih’.  
L-Eks Kummissarju Ewropew qal ukoll li l-UE ma ħallietx lill-Pulizija Belġjana tinvestiga lil Kessler u lill-impjegati tiegħu. Saħaq li dan hu ndħil fil-ġustizzja.
John Dalli stqarr li jekk wieħed iqabbel ir-rikording tat-telefonata mat-traskrizzjoni li ppubblika l-OLAF, wieħed jinnota kif l-OLAF iffalsifikat it-traskrizzjoni biex tipprova toħloq evidenza dwar xiex tibbaża akkużi ta’ frodi fil-konfront tiegħu.
Qal li Inge Delfosse, flimkien ma’ impjegati oħra ta’ Swedish Match u Giovanni Kessler, se jitressqu l-Qorti fil-Belġju, wara li l-Pulizija Belġjana lestiet l-investigazzjoni fuq ilment ta’ malafama min-naħa tiegħu.  Kompla jgħid li l-indħil tal-Kummissjoni Ewropea dewwem l-investigazzjoni bi tliet snin.
John Dalli jistaqsi jekk dan hux l-istandard tas-Saltna tad-Dritt tal-Kummissjoni Ewropea.  Sostna li qatt ma sema’ jew ra lil xi ħadd jipprotesta kontra dak li sejjaħlu abbuż arroganti u korott ta’ poter.
F’komunikazzjoni oħra ma’ Newsbook.com.mt John Dalli qal li hu falz li fl-2013, rapport maħruġ mill-OLAF, wera li hu kien jaf b’Zammit u l-akkwist li pprova jagħmel.
Kompla jgħid li l-OLAF isostni li lilu qatt ma akkużawh b’xejn. Sostna li Kessler, qed jittella’ l-Qorti fuq atti kriminali li wettaq waqt din l-investigazzjoni u ammetta li ma kellux provi kontrih. Skont John Dalli, Barroso rrifjuta li jurih ir-rapport ta’ Kessler meta kien qed ikellmu.
John Dalli saħaq li biex wasal għal dawn il-konklużjonijiet, Kessler bagħbas mal-evidenza, li ggrava bil-korruzzjoni tax-xhieda li fiha ddeffsu wkoll il-Pulizija Maltija.