Dalli jew Scicluna għal Kummissarju Ewropew?

DOI: Jeremy Wonnacott

Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jinnomina lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli u lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew, skont ma rrapporta l-ġurnal The Malta Independent on Sunday.

Aqra: Il-mexxejja Ewropej jaqblu dwar erba’ pożizzjonijiet għolja

Skont il-ġurnal, Muscat kien f’dilemma dwar lil min għandu jinnomina bejn iż-żewġ ministri, li t-tnejn huma allegatament ħerqana dwar dan, iżda l-problema tiegħu ssolviet wara li Ursula von der Leyen, il-Ministru Ġermaniża magħżula biex issir il-President tal-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-kapijiet tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jinnominaw żewġ kandidati kull wieħed, mara u raġel. Von der Leyen qalet lill-Membri Parlamentari Ewropej li tixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tkun magħmula minn kummissarji nisa u kummissarji rġiel, peress li bħalissa hemm 19-il kummissarju raġel u 9 kummissarji nisa.

Aqra: Il-PN jappoġġja lil von der Leyen; il-PL għadu indeċiż

The Malta Independent on Sunday irrappurtat li Scicluna huwa interessat f’din il-kariga peress li mhux beħsiebu jikkontesta elezzjoni oħra minħabba l-età tiegħu. Il-ġurnal jgħid ukoll li Dalli hija interessata ferm, u tistenna li Muscat jappoġġja lilha din id-darba, wara li kien appoġġja lil Scicluna fl-elezzjoni għad-deputat mexxej tal-Partit Laburista.

Aqra: Filmat: It-tellieqa bejn Edward Scicluna u Chris Fearne; Helena Dalli eliminata

Von der Leyen ġiet innominata biex tilħaq wara Jean Claude Juncker, u din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew għandu jieħu vot dwarha. Xogħol il-Kummissjoni Ewropea hu li tipproponi liġijiet ġodda li mbagħad jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sabiex jgħadduhom. Il-Kummissarju Ewropew Malti kurrenti huwa Karmenu Vella, li hu responsabbli għas-settur marittimu u tas-sajd, peress li kull kummissarju jkollu settur partikolari assenjat lilu.

Aqra: Karmenu Vella jieħu l-ġurament tal-ħatra