Dalli jallega li Rizzo xehed falz

John Dalli

Read in English.

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli qal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo ta ġurament falz minħabba li allega li fil-ġurament tal-lum ta informazzjoni falza.

Dalli qal fi stqarrija li kuntrarju għal dak li qal Rizzo, huwa wasal ġimgħa sħiħa qabel ma’ Rizzo rriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju.

Fl-istqarrija, John Dalli jgħid li wasal Malta fis-6 ta’ April 2013 filwaqt li fix-xhieda fil-Qorti llum, John Rizzo qal li huwa rriżenja fit-13 ta’ April 2013. Rizzo qal ukoll li Dalli wasal Malta minn Brussell l-għada li rriżenja.

Dalli żied jgħid li l-avukat tiegħu nforma lill-Pulizija minn qabel bid-data li Dalli kellu jasal Malta.

Dwar din id-data, Rizzo fil-Qorti llum qal li kien infurmat li kellu jasal dakinhar iżda insista li wasal aktar tard billi speċifika li wasal Malta ġurnata wara li kien irriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Dalli nnega wkoll li John Rizzo qal li ma kellux fiduċja fl-OLAF. Dalli jgħid li x-xhieda tal-Ispettur Gafa fil-Qorti fl-2012 tgħid li l-investigazzjoni dwar Dalli mill-Pulizija f’Malta kienet biex taċċerta l-fatti kif stabbiliti mill-OLAF.

Dalli jsemmi wkoll delegazzjoni tal-Pulizija li Rizzo mexxa fi Brussell u qal li anki din turi li kien hemm fiduċja fl-OLAF.

Dwar dak li qal Rizzo li investigazzjoni tibda anki minn rapport li jkun tressaq b’mod anonimu, Dalli qal li mhux veru għaliex huwa stess kien għamel rapporti direttament lil Rizzo li Dalli jgħid qatt ma ġew investigati.